L-Imħallef Lawrence Mintoff ordna lid-Direttur tad-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza biex jisma’ Apell li ġie preżentat minn Filippin li kellu applikazzjoni miċħuda biex ikun jista’ jaħdem u jgħix Malta. Cristian David Pascual kien applika għal ‘Single Permit’ sabiex jaħdem mal-kumpanija OZO Malta Limited.
Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva datata 5 ta’ Settembru, 2020. L-Aġenzija Identity Malta, li teżerċita l-poteri tad-Direttur tad-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza u Affarijiet ta’ Espatrijazzjoni, iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Filippin għandha tiġi miċħuda għaliex “l-applikazzjoni m’għaddietx mill-ittestjar tas-suq tax-xogħol, li sar minn Jobplus”.
Huwa ġie nfurmat li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx eleġibbli biex tiġi kkunsidrata bien huwa jingħata permess għar-residenza u x-xogħol. Il-Filippin ħass ruħu aggravat bl-imsemmija deċiżjoni u beda proċeduri quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni fit-23 ta’ Settembru, 2020.
Il-Bord irreġistra l-appell fis-7 ta’ Ottubru, 2020 iżda l-Bord iddeċieda li l-Appell tal-Filippin kien ġie sottomess wara t-terminu kif mogħti mil-liġi. L-appellant ikkontenda illi l-Bord meta għadda biex iddikjara l-appell bħala null u ddeċieda li m’għandux jieħu konjizzjoni ulterjuri tiegħu għaliex allegatament ġie ppreżentat barra mit-terminmu tiegħu.
Il-Filippin qal li il-Bord kien wettaq żball amministrattiv serju attribwibbli lill-Bord innifsu u/jew uffiċjali addetti lilu u b’hekk ċaħħad lill-appellant minn smigħ xieraq skont il-liġi. Id-deċiżjoni tal-appellat tal-5 ta’ Settembru, 2020 kienet ġiet notifikata lill-prinċipal prospettiv, OZO Malta Limited, fit-22 ta’ Settembru, 2020.
Il-Filippin kien avviċina lill-avukat Dr Andrew Grima sabiex jippreżena appell opportun quddiem il-Bord fiż-żmien mogħti mil-liġi, liema appell sar l-għada 23 ta’ Settembru 2020 permezz ta’ email, skont il-proċedura dak iż-żmien minħabba l-pandemija tal-COVID.
Jidher li għal xi raġuni mhux magħrufa lill-appellant, l-uffiċjali tal-Bord naqsu milli jirreġistraw l-appell malli dan daħal jew fil-ġurnata tax-xogħol ta’ wara, imma ġie reġistrat fis-7 ta’ Ottubru, 2020. Il-Filippin qal li l-appell tiegħu ma ġiex reġistrat fi żmien utili minħabba nuqqasijiet amministrattivi attribwibbli lill-Bord innifsu.
Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ din it-teżi u laqgħet l-Appell tal-Filippin u bagħtet lura l-atti quddiem il-Bord sabiex dan jisma’ fil-mertu l-appell imressaq quddiem il-Bord, u l-partijiet jingħataw terminu ġdid sabiex iressqu kwalunkwe prova li jqisu li hija neċessarja in sostenn tal-pożizzjoni rispettiva tagħhom
//= $special ?>