Lokali

Missier ta’ 3 itfal imut wara li nqabad taħt moħriet

“Lanqas nista’ nemmen x’ġara Pa, Grazzi ta dak li għamilt magħna u tal-imħabba bla qies li tajtna. Naf fiċ-ċert li tinsab f’post ferm aħjar minn hawn. Mur strieħ fis-sliem u żomm idejk fuqna minn hemm fuq. Strieħ fis-sliem għażiż missier”. Kien dan il-kliem ta’ wieħed mit-3 ulied tar-raġel ta’ 46 sena li jgħix Ħal Qormi u li sfortunatament tilef ħajtu wara li nstab maqbud taħt moħriet.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-20.00 meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’għalqa fi Triq Tal-Bajjada, Ħal Qormi.

Jidher li minkejja li l-vittma ngħata l-assistenza minn tim mediku sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.