Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena mal-aqwa 13 fl-Ewropa

Rapport: Stewart Said

FRANZA………….. 8

MALTA…………… 10

(1-2), (2-4), (3-1), (2-3)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena temm il-Kampjonat Ewropew fit-13-il post. Din il-pożizzjoni waslet b’rebħa kontra Franza 10-8, l-istess tim li spiċċa draw kontra t-tim Malti f’pajjiżna kważi xahrejn u nofs ilu. Dan ir-riżultat hu frott ta’ ħidma diffiċli waqt ix-xhur ta’ pandemija, biż-żgħażagħ flimkien mal-istaff tekniku u l-ASA għamlu diversi sagrifiċċji, speċjalment meta kellhom jitħarrġu u jlaħħqu mal-eżamijiet akkademiċi.

B’hekk f’dan il-Kampjonat Ewropew, it-tim Malti spiċċa b’żewġ rebħiet minn ħames logħbiet, skorjaw 50 gowl u sofrew 55 gowl kontra uħud mill-aqwa timijiet fl-Ewropa. Nittama dejjem biex l-investiment mhux biss finanzjarju f’dawn iż-żgħażagħ ikompli.

­Franza kellha bidu pożittiv b’gowl ta’ Aaron Mehdi fl-ewwel minuta u nofs tal-logħba. Iżda t-tim Malti dawwar il-vantaġġ u b’gowl minn man-up ta’ Elijah Schembri u gowl sabiħ ta’ Cain Cutajar, temm l-ewwel sessjoni 2-1 minn fuq.

Iż-żgħażagħ Maltin fetħu distakk ta’ tliet gowls permezz ta’ Enrico Mallia u gowl minn man-up ta’ Jayden Cutajar. Risposta immedjata ta’ Franza b’doppjetta ta’ Mohamed Hakik, sakemm it-tim Malti reġa’ bena distakk ta’ tliet gowls minn man-up skorjat minn Cain Cutajar u penalty ta’ Jayden Cutajar.

Sa dak il-ħin, kollox deher pożittiv għat-tim Malti iżda t-tielet sessjoni ħadet xejra differenti. Il-Franċiżi reġgħu naqqsu d-distakk għal gowl kmieni fis-sessjoni. It-tim Malti beda jfalli okkażjonijiet bi plejer aktar u beda jippermetti lill-Franċiżi jersqu aktar lejn il-lasta Maltija. Il-penalty ta’ Jayden Cutajar minuta minn tmiem is-sessjoni, kien importanti għaliex assigura li ż-żgħażagħ Maltin jibdew l-aħħar sessjoni minn fuq.

Fis-sessjoni deċiżiva, kienu aktar konċentrati u l-vantaġġ kiber għal 9-6 fl-aħħar sessjoni. Arthur Monthorin naqqas id-distakk mill-ewwel wara l-penalty ta’ Dean Bugeja, iżda l-gowl ta’ Jayden Cassar minn man-up qata’ kull tama ta’ rimonta mill-Franċiżi.

Franza: E. Carrera, V. Laces, P. Bourdeix, A. Goncalves, A. Mercier Chaplain (1), A. Monthorin (1), A. Mehdi (1), A. De Reviers, A. Poulain, M. Hakik (2), N. Nikolic, J. Novacek (3), M. Guyon

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech, J. Pace Mizzi, G. Bonavia, J. Cassar (1), D. Bugeja (1), Z. Cutajar Licari, J. Cutajar (3), E. Schembri (1), C. Cutajar (2), L. Montebello Brownrigg, E. Mallia (2), M. Brimmer

Referees: Mihai George Balanescu (Rumanija), Bozo Duraskovic (Montenegro)