Il-Forum Unions Maltin esprima tħassib sejru dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jaċċetta turisti li mhumiex imlaqqma f’pajjiżna. Il-For.U.M. qal li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ilha tenfasizza li l-herd immunity jaf ma jkunx biżżejjed biex tevita mewġa oħra tal-virus u saħaq li huwa evidenti li dawn it-twissijiet għadhom validi u li l-Gvern għandu jagħtihom il-piż mistħoqq.
Il-Unions qalu li huwa ċar li s-salvagwardji meħtieġa sabiex ikun protett il-poplu Malti ma kinux implimentati. Huma saħqu li s-sagrifiċċji kbar li saru minn kulħadd qed jirriskjaw li jkunu għalxejn meta qed inħallu turisti mhux imlaqqma jidħlu f’pajjiżna.
Minbarra dan, il-For.U.M. qal li dan juri wkoll nuqqas ta’ rispett lejn il-frontliners . Il-Unions qalu li fl-aħħar ġimgħa reġgħu bdew l-operazzjonijiet f’Mater Dei. Dawn l-operazzjonijiet qed jirriskjaw li jerġgħu jieqfu hekk kif in-numru ta’ każijiet attivi f’pajjiżnaqed ikompli jiżdied.
Il-For.U.M. qed jappella lill-Gvern biex ibiddel il-miżuri preżenti dwar il-Covid u sabiex minflok jaddotta miżuri li juru biċ-ċar li huma t-turisti mlaqqma biss li għandhom jitħallew jidħlu Malta.
Jekk dawn il-proposti ma jiġux milqugħa, ikun ħareġ biċ-ċar li l-Gvern qed ipoġġi f’riskju s-sagrifiċċji kollha li għamilna bħala nazzjon.
//= $special ?>