Lokali

Jingħalqu l-iskejjel tal-Ingliż – biex tidħol f’Malta trid tkun ivvaċċinat

Huma 7 l-każi attivi ta’ Covid-19 f’pajjiżna li huma nfettati bil-Varjant Delta…magħruf aħjar bħala dak Indjan. Madanakollu meta mistoqsi minn Net News l-Ministru Chris Fearne ma weġibx kemm minnhom huma lokali jew saħansitra minn fejn ġew infettati.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Fearne flimkien mas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci wara l-176 każ ġdid f’temp ta’ tlett ijiem, Chris Fearne ammetta li 10% tal-każi kienu mlaqqmin b’mod sħiħ ….u spjega li kważi terz tal-każi imħabbra fl-aħħar 24 siegħa kienu ta’ persuni residenti Malta.

Madanakollu – mistoqsi x’sintomi qiegħed ikollhom il-persuni mlaqqma b’mod sħiħ wara li jittestjaw pożittiv….il-Ministru injora għal kollox id-domanda.

Minkejja li din is-sitwazzjoni kienet prevedibbli, jiġifieri li jekk il-pajjiż kien qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu għal persuni minn barra minn xtutna li mhux ivvaċċinati kienet minn ewl id-dinja li se tkun qed terġa’ tidħol mewġa oħra ta’ każi…Chris Fearne sahaq li dan il-virus huwa imprevedibbli.

Madanakollu għal darb’oħra, minkejja li issa ilna nħabbtu wiċċna mal-pandemija għal din l-aħħar sena u nofs, il-Gvern ta’ Robert Abela għoġbu jerġa’ jkun reattiv…mhux biss għal pandemija iżda ankè għal Partit Nazzjonalista hekk kif sagħtejn wara li l-Covid-Action Team ħareġ bil-proposti…il-Gvern, fortunatament, għoġbu jsegwi tali suġġerimenti.

Dan hekk kif minn nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Lulju, dawk il-persuni li għandhom ċertifikat tal-vaċċin kontra l-Covid-19 rikonoxxut mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biss jistgħu jidħlu f’pajjiżna; jiġifieri dak Malti, mir-Renju Unit jew tal-Unjoni Ewropea.

Ġie spjegat li  biex tidħol f’pajjiżna m’għadux biżżejjed PCR test iżda persuna trid tkun ivvaċċinata…għajr għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena.

Minn nhar l-Erbgħa wkoll il-Gvern iddeċieda li se jkunu qed jagħlqu l-iskejjel tal-Ingliż fil-Gżejjer Maltin wara li 9 skejjel kellhom diversi każijiet tal-virus fl-aħħar jiem..

Il-Professur Charmaine Gauci saħqet li kawża ta’ dawn il-clusters il-positivity rate issa żdiedet għal 1.18 bl-età medja tkun ta’ 24 sena filwaqt li insistiet li 12 mis-96 każ imħabbar tul il-jum tal-Ġimgħa kienu mlaqqmin b’mod sħiħ.

Intant, l- l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed isegwu b’attenzjoni jekk wasalx iż-żmien biex jingħata l-booster tal-vaċċin f’pajjiżna hekk kif fil-Gżejjer Maltin hawn numru ta’ persuni li issa ilhom ix-xhur li tlaqqmu b’mod sħiħ u għaldaqstant qed isegwu l-immunità ta’ dawn il-persuni.

Fuq nota separata, ġie mħabbar ukoll li nhar il-Ħadd mistenni li jkun hawn preżenza akbar ta’ Pulizija fit-toroq Maltin minħabba l-finali tal-Euro 2020 bejn l-Italja u l-Ingilterra.

Ikkummenta