Il-Partit Nazzjonalista reġa’ nnota li għal darb’oħra, b’mod abbużiv intenzjonat, l-Awtorita tal-Ippjanar u Infrastruttura Malta reġgħu kisru l-ligijiet ta’ pajjiżna kif joħroġ ċar fir-rapport konklussiv dwar investigazzjoni li għamel l-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-mod ta’ kif saru x-xogħlijiet u l-proċedura li ntużat sabiex inbena l-pont li sar fil-Marsa.
Din l-investigazzjoni kienet wahda minn 9 każijiet li l-Oppożizzjoni talbet lill-Ombudsman sabiex jinvestiġa u fejn fihom kien hemm abbużi ripetuti minn entitajiet tal-Gvern u Ministeri bi ksur tal-liġijiet ambjentali. Apparti dan il-każ spikkaw fost l-oħrajn każijiet oħra bħal dawk ta’ Kemmuna, Victoria Lines fil-Mosta, is-Central Link u l-bini ta’ toroq f’Ħad Dingli. Dawn kollha jfissru ħsara irreparabbli għall-ambjent f’pajjiżna b’uħud mill-abbużi sahansittra isiru f’żoni protetti jew permezz tat-tqaċċit ta’ mijiet ta’ siġar.
Fi stqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Robert Cutajar, huwa qal li fl-aħħar każ li kkonkluda l-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, jirriżulta li lapplikazzjoni għax-xoghol li sar fuq il-pont tal-Marsa ġiet deċiża esklussivament miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Ippjanar, u dan minflok ma’ kien il-Bord fi ħdan l-istess Awtorita li jiddeċiedi dwar din l-istess applikazzjoni.
Dan l-abbuż minn min qed imexxi l-Awtorita’ tal-Ippjanar, u li issa sar l-ordni tal-ġurnata, qiegħed isir bil-barka tal-Gvern, u l-Ministru Aaron Farrugia qiegħed jibqa għal kollox sieket dwar dan kollu u li se jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent ta’ pajjiżna. Għalhekk il-Ministru Farrugia għandu l-obbligu li jara li fl-interess nazzjonali, dawn l-abbużi jitwaqqfu, għaliex is-skiet tiegħu ifisser biss li hu kompliċi f’dan kollu.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista terġa tisħaq li wara l-konklużjonijiet fl-investigazzjonijiet mwettqa millOmbudsman il-pożizzjoni taċ-Cermen Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Ippjanar m’għadiex waħda tenibbli u qed terġa titlob ir-riżenja tiegħu b’mod immedjat. Il-kultura tax-xejn m’hu xejn trid titwaqqaf u għalhekk l-awtoritajiet tal-Gvern għandhom jagħtu l-eżempju fil-ħarsien tal-ambjent u mhux ikunu kompliċi u parteċipi fil-qerda tiegħu.
//= $special ?>