Lokali

Mhux imħasseb dwar l-imwiet fil-ħabs għax “ma setgħux ġew evitati”

Il-Ministru Byron Camilleri, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ma jidhirx li huwa mħasseb bl-imwiet fil-ħabs.

Filtatt il-Ministru tal-Intern qal lil Net News li huwa jinsab sodisfatt bil-fatt li inkjesta maġisterjali sabet li erba’ mill-imwiet li seħħew fl-aħħar xhur f’Kordin ma setgħux jiġu evitat.

Fl-ewwel opportunità li kellna, dan is-sit staqsa lill-Ministru Camilleri dwar dak li seħħ ftit tal-jiem ilu.

Il-Ħadd li għadda priġuniera li kienet qed titlob bil-ħniena li titħalla tagħmel programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga, tilfet ħajjitha wara li ppruvat tagħmel suwiċidju,Jidher li l-mara ta’ 29 sena spiċċat f’disprament hekk kif sabet il-bibien kollha magħluqa f’wiċċha għat-talba li tirriabilita ruħha. Iżda anke din il-mewta traġika donnu ma kinitx wisq ta’ tħassib għal Camilleri.

Mistoqsi x’se jsir issa, u min se jġorr ir-responsabbiltà ta’ dan kollu, il-MInistru wieġeb li wieħed irid jara sewwa l-fatti x’inhuma u li bosta inkjesti sabu li l-imwiet ta’ priġunieri ma kinux tort tal-ħabs u li ma setgħux ġew evitati.

Iżda li naqas li jgħid il-Ministru kien li fiż-żmien li ilu jmexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Alexander Dalli, u kemm ilu responsabbli Camilleri stess mill-Ħabs, kien hemm tal-anqas tnax il-mewta ta’ priġunieri.

Minflok, il-Ministru qal li “l-biċċa l-kbira tal-imwiet kienu mwiet naturali”.

Minkejja dak li qed jgħid il-Ministru, fl-aħħar snin kien hemm diversi mwiet suspettużi f’Kordin – uħud ta’ priġunieri żgħar fl-età, u li ma kellhomx kundizzjonijiet mediċi li setgħu wasslu għal mewt. Imwiet li dwarhom saru inkjesti u li sa llum il-Ministru qed jibqa’ jiċħad talbiet għal publikazzjoni tal-konklużjonijiet tagħhom.

Wara kull mewta ta’ priġunier, u partikolarment wara l-każ tal-Ħadd li għadda, bosta għaqdiet volotnarji inkluż dawk li jaħdmu ma’ persuni b’vizzju tad-droga, sejħu għal tibdil immedjat fl-operat tal-Ħabs.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll poġġa pressjoni fuq il-Gvern sabiex din is-sitwazzjoni titranġa llum qabel għada filwaqt li staqsa kemm iridu jmutu aktar nies biex Robert Abela jifhem kemm hi gravi s-sitwazzjoni fil-ħabs.