Lokali

Robert Abela jżomm lil Rosianne Cutajar minkejja erba’ investigazzjonijiet dwarha

Wara kważi ġimgħa Robert Abela għadu ma ħa l-ebda passi kontra Rosianne Cutajar. Il-Prim Ministru ilu ġimgħa jaħrab mir-responsabbilità tiegħu li jeżiġi li Rosianne Cutajar tirriżenja minn Membru Parlamentari u jekk ma tagħmilx hekk ikeċċiha mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.

Hekk saħqu d-deputati tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Karol Aquilina qal li Robert Abela mhux qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess ta’ pajjiżna. Mhux vera jrid li pajjiżna jitneħħa mil-lista l-griża llum qabel għada. Minflok ta’ Prim Ministru, Robert Abela qed jagħżel li jagħmilha tal-avukat difensur ta’ Rosianne Cutajar.

Robert Abela u l-Partit Laburista jinteressahom biss li jiddefendu lil politiċi bħal Rosianne Cutajar minħabba l-interessi partiġġjani tagħhom.

Fakkar li r-rapport tal-Kummissarju George Hyzler jagħmilha ċara li Rosianne Cutajar:

1.            Tħallset senserija ta’ eluf ta’ ewro f’negozju li jinvolvi lil Yorgen Fenech;

2.            Ma ddikjaratx id-dħul ta’ senserija fid-dikjarazzjoni tal-assi;

3.            Irċeviet rigal ta’ €9,000 mingħand Yorgen Fenech.

Min-naħa tagħha Therese Comodini Cachia qalet li Robert Abela jaf li Rosianne Cutajar qiegħda taħt erba’ investigazzjonijiet separati iżda jibqa’ jagħżel li jipproteġi lilha minflok li joħroġ lil pajjiżna minn fuq il-lista l-griża.

Robert Abela m’huwiex onest mal-poplu. Jghid li jrid jagħmel dak kollu possibbli sabiex pajjiżna joħrog minn fuq il-lista l-griża, iżda wara ġimgha li ħareg l-ewwel rapport ta’ investigazzjoni minnhom, Abela jibqa’ jipprotegi lil Rosianne Cutajar.

Rosianne Cutajar bħalissa għaddejja minn erba’ investigazzjonijiet :

1. mill-Kummissarju għall-ħarsien tal-istandards, li b’rapport ippubblikat ġimgħa ilu sabha ħatja ta’ ksur ta’ etika fuq fatti kkunsidrati gravi u serji;

2. mit-Tax Compliance Unit tad-Dipartiment t-Taxxi Interni, li qedgħin jistennew id-deċizjoni tal-bord dwar jekk il-każ ta’ potenzjali evażjoni ta’ taxxa jintbagħtx lill-Pulizija jew jekk jissettiljawx il-każ b’mod amministrattiv;

3. mill-Pulizija ta’ Malta: dan qalitu Rosianne Cutajar stess meta hija infurmat lill-Kummissarju Hyzler li qiegħda tgħaddilu kopji tal-messaġġi skambjati bejnha u l-imprenditur sid ta’ 17 Black hekk kif mogħtija lilha mill-pulizija taħt disclosure;

4. mill-Committee on Rules of Procedure, Immunities and Institutional Affairs tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Id-deputati fakkru li nhar it-Tnejn li ġej ser jerġa’ jiltaqa’ l-Kumitat dwar Standards fil-Ħajja Pubblika biex jisma’ lill-Kummissarju George Hyzler jispjega r-rapport tiegħu. Imbagħad il-Kumitat ser jiddeċiedi jekk jaċċettax ir-rapport.

Huma tennew l-pożizzjoni tagħhom, dik li jistennew li nhar it-Tnejn il-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista bħalhom japprovaw dan ir-rapport u jeżiġu li Rosianne Cutajar terfa’ r-responsabbilità politika u tirriżenja mill-Parlament.