Lokali Parlament

Roderick Galdes evażiv fuq deputat tad-distrett tiegħu

Skomdu jwieġeb fuq Rosianne Cutajar billi ħarab mill-mistoqsijiet

Kien imiss lill-Ministru Roderick Galdes illi jevita l-mistoqsija diretta li qed jistaqsu ħafna dwar jekk il-kollega tiegħu fis-6 Distrett, Rosianne Cutajar, hix se terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja minn Deputat Parlamentari.

L-iskumdità tant kienet evidenti li l-Ministru Roderick riedna npoġġulu l-mistoqsijiet li xtaq hu meta staqsejnieh jekk hux komdu li miegħu fil-Grupp Parlamentari Laburista għandu deputat tad-distrett tiegħu li ma ddikjaratx flus gejjin minn senserija u li qed tiġi investigata għall-evażjoni tat-taxxa.

“Jien niskanta kif anki tan-Net ovvjament wara press conference bħal din fuq nies li għandhom diffikultà, imbagħad tiġuni b’mistoqsijiet bħal dawn.”

Jidher li għall-kabinett tal-Ministri, ir-riżenja tagħha minn Segretarju Parlamentari kienet l-indulġenza tagħha minn dawn l-akkużi.

“Naħseb jiena Rosianne Cutajar diġà ġarret ir-responsabbiltà tagħha hekk kif irriżenjat u finalment nafu ukoll min kien il-politiku li ma ġarx ir-responsabbiltà.”

Fl-aħħar jiem id-deputat Laburista, Rosianne Cutajar instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika, bil-mod kif daħħlet eluf minn senserija fuq propjetà fl-Imdina illi ried jixtri l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Il-Prim Ministru Robert Abela jidher komdu li fil-grupp parlamentari li jmexxi jżommha miegħu hekk kif għażel li ma jqaċċathiex meta affaċjat bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.