Lokali

STĦARRIĠ MEA: “Il-korruzzjoni waslitna għall-greylist tal-FATF”

Aktar ma ndumu fil-greylist tal-FATF,  se tkun akbar il-ħsara ….u aktar se ndumu ma nirkupraw minnha.

Sostna dan id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia waqt preżentazzjoni ta’ stħarriġ li sar fost diversi kumpaniji dwar x’jaħsbu rigward il-fatt li Malta tqiegħdet fuq il-greylist tal-Financial Action Task Force.

Mill-istħarriġ tal-MEA ħareġ li fil-maġġoranza tal-kumpaniji huma imhassba dwar dan il-fatt ….fejn 64% mill-parteċipanti qed jisħqu li d-deċiżjoni tal-FATF se jkollha impatt qawwi fuq l-ekonomija Maltija filwaqt li 71% minnhom sostnew li qed ibassru li dan kollu se jaffettwa n-negozju tagħhom.

Dan filwaqt li kumpaniji mill-Industrija tal-Gaming u servizzi finanzjarji l-maġġoranza tagħhom qed jinsistu li se jaffetwalhom xogħlhom.

Intant, 46% tal-parteċipanti saħqu li qed jistennew li fis-6 xhur li ġejjin se jibda jinħass l-impatt tal-greylisting…filwaqt li 38% insistew li l-effett se jinħass aktar tard.

Mistoqsija x’inhu l-biża’ tagħhom, aktar minn 50% spjegaw li qed ibassru li se jiżdidulhom l-ispejjeż minħabba aktar burokrazija filwaqt li aktar minn 40% saħqu li qed jistennew tnaqqis fl-investiment u l-esportazzjoni – b’uħud jgħidu li qed jaħsbu sabiex jirrilokaw il-kumpaniji.

Dan filwaqt li meta ġew mistoqsija  jsemmu tlett fatturi li waslu sabiex pajjiżna ġie greylisted mill-FATF 100% saħqu li dan kien kawża ta’ ħasil ta’ flus, korruzzjoni istituzzjonali u governanza ħażina… filwaqt li 80% insistew li l-istituzzjonijiet huma dgħajfin ħafna u li l-ġustizzja hija retta ma min jaqblilha – oħrajn semmgħu wkoll il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Panama Papers.

Il-kumpaniji rrakkomandaw lill-Gvern Laburista sabiex il-ġustizzja verament issir u jkun hemm fiducja fl-istituzzjonijiet…. u kull min xxellef dufrejh mal-ġustizzja għandu jitressaq il-Qorti u jħallas ta’ għemilu – inkluż politici u persuni qrib ħafna tal-Gvern.

Dan filwaqt li insistew li hemm bżonn ta’ aktar trasparenza…u min għandu jirreżenja mill-Gvern, għandu jagħmel proprju dan u mhux inkomplu nkabbru l-kultura tax-xejn m’hu xejn.

Apparti dan bosta saħqu għal ghaqda fejn tidhol il- politika…għax il-Gvern waħdu ma jistax joħroġ lil pajjiżna minn din il-greylist.

Joe Farrugia saħaq  li hemm ċertu immedjatezza minn naħa tal-kumpaniji sabiex tittieħed kull azzjoni biex ninqalgħu minn din il-greylist filwaqt li insista li l-MEA ilha snin tisħaq li ċertu deals dubjużi, involti fihom nies prominenti, iridu jispiċċaw.