Ajruplan li kien qed iġorr talanqas disa’ dilettanti tas-skydiving iġġarraf fil-limiti tal-belt ta’ Orebro, bir-riżultat li tilfu ħajjitjhom in-nies kollha li kienu abbord.
Il-vittmi identifikati fl-aħħar sigħat kienu tmien skydivers u l-pilota tal-ajruplan li niżel viċin il-mitjar tal-ajruport ta’ Orebro – xi 160 kilometru lejn il-punent tal-kapitali Stokkolma.
Jidher li l-inċident traġiku seħħ ftit minuti biss wara t-tlugħ tal-ajruplan, bl-awtoritajiet jibdew investigazzjoni immedjata.
Il-Pulizija ta’ Orebro ħarġu stqarrija fuq il-websajt tagħhom biex jikkonfermaw ‘li kien miet kulħadd f’dan l-inċident mill-aktar serju’.
L-ajruplan inkwistjoni – li kien jaħdem bl-iskrejjen – kien tat-tip DHC-2 Beaver. Ir-rapporti qalu li l-membri ta’ klabb lokali tas-skydiving kienu krew l-ajruplan inkwistjoni għal avveniment speċjali li kellu jkun organizzat għall-pubbliku.
Huma pjuttost rari inċidenti ta’ dan it-tip fl-Iżvezja – għalkemm fl-2019 kienu mietu disa’ persuni f’każ simili meta ajruplan li kien qed iwassalhom lejn zona fejn kellha ssir qabża bil-paraxut iġġarraf f’inħawi lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. L-investigazzjoni, wara, kienet żvelat li l-ajruplan ‘kien mgħobbi b’aktar nies milli permess bir-regoli’.
Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Lofven, fl-aħħar sigħat, tkellem dwar it-traġedja barra Orebro filwaqt li wassal is-simpatiji u kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi f’dan iż-żmien diffiċli.
//= $special ?>