Knisja Lokali

Arċipriet ġdid għall-parroċċa tal-Imdina

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Mario Tong bħala arċipriet tal-parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, l-Imdina. Dun Mario Tong twieled fid-29 ta’ April 1953. Huwa ħa l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977.

Beda l-ħidma pastorali tiegħu fid-Djoċesi ta’ Ġibiltà fejn għal diversi snin serva fil-Katidral ta’ Santa Marija Inkurunata, fil-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, u kien ukoll il-kappillan tal-isptar ġenerali ta’ Ġibiltà.

Dun Mario ħadem ukoll fil-parroċċa ta’ Our Lady Queen of Martyrs, f’Centerport, fid-Djoċesi ta’ Rockville Center, Long Island, New York.

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, matul is-snin huwa kien kappillan ta’ Marsaxlokk, kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, arċipriet tal-Mosta, arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, u kappillan Tal-Ibraġ.

Matul l-aħħar sentejn Dun Mario ta wkoll servizz pastorali fil-parroċċa ta’ Ħ’Attard, fl-Uffiċċju Żwigijiet fil-Kurja tal-Arċisqof u fil-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini fl-Imdina. Il-parroċċa tal-Imdina tiġbor fiha popolazzjoni ta’ madwar 246 persuna.