Lokali Saħħa

Il-Gvern qiegħed jipperikola s-saħħa, ix-xogħol u d-drittijiet tal-Maltin bi strateġija ta’ paniku minflok konsultazzjoni – PN

Il-fatt li Pajjiżna qiegħed jerġa jara żieda fin-numri tal-każijiet pożittivi tal-COVID-19 impurtati, hu riżultat tal-fatt li meta l-Gvern fetaħ it-turiżmu tal-massa naqas milli jassigura sistema loġistika b’saħħitha fil-portijiet minkejja li seta jantiċipa dan. Dan kien evidenti mill- kaos li rajna fil-portijiet, parikolarment fl-ajruport, minkejja t-talbiet għal pjan ta’ loġistika b’saħħtu mit-tmexxija tal-istess ajruport, fil-ġimgħat li għaddew.

Issa, wara ż-żieda fin-numri tal-każijiet pożittivi tal-COVID-19 impurtati, rizultat ta’ strateġija għal ħarsien tas-saħħa pubblika li reġgħet fallietlu, il-Gvern fil-paniku tiegħu impona ta’ malajr miżuri estremi li jiddiskriminaw bil-kbir kontra dawk il-persuni li ma jistawx jieħdu l-vaċċin bħal tfal, nisa tqal, każijiet ta’ persuni vulnerabbli, persuni li ilhom ma jaraw il-familji tagħhom jew Maltin li jgħixu f’pajjiżi fejn ir-rata tal-vaċċinazzjoni għadha lura.

Il-Gvern reġa’ falla għaliex għażel strateġija tat-turiżmu ħazina fejn ipprijoritizza fuq turiżmu tal-massa li ma jrendiex, filwaqt li illaxka għal kollox minn kontrolli stretti li jirrispettaw is- saħħa pubblika fil-portijiet. Dan jista jwassal sabiex negozji, is-settur turistiku u dak tal- ospitalitá, l-artisti, u kull min għamel sagrifiċċji kbar tul din l-aħħar sena ikollhom ikomplu jistennew sakemm is-sitwazzjoni terġa tiġi lura għan-normal, bil-possibilita’ li l-ħsara ssir waħda irreparabbli, fosthom l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliz. Kien ikun aħjar jekk minflok il- Gvern ħa miżuri estremi fi stat ta’ paniku, l-iskejjel tħallew ikomplu jilqgħu lil min hu vvaċinat, primarjament adulti li huma turisti iktar ta’ kwalità milli tal-massa, filwaqt li joħloq strateġija urġenti ta’ għajnuna għalihom sabiex jappoġġjahom u jsostniehom.

Il-Gvern Laburista qiegħed għal darb’ohra juri li mhux qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu fl- interess nazzjonali iżda li minflok jimxi kif jistenbaħ filgħodu mingħajr rispett jew konsiderazzjoni lejn id-drittijiet tal-persuna, ix-xjenza jew is-saħħa.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista il-bieraħ ippropona tliet miżuri sabiex inkomplu nnaqsu l- possibilitá tal-introduzzjoni ta’ varjanti ġewwa pajjiżna u nassiguraw li s-settur turistiku u dak tal-ospitalitá, tant importanti għall-ekonomija tagħna, tkompli bir-ritmu li qabdet u tkompli titgawda ġewwa pajjiżna. Dawn il-proposti li ġew għal kollox injorati mill-Gvern li jibqa ma jismax huma li:

  1. Jekk il-persuna li tasal Malta tkun ivaċċinata, għandha tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ dan, flimkien ma’ prova ta’ PCR test negattiv sa 72 siegħa mit-tluq tagħha
  2. Jekk il-persuna li tasal Malta ma tkunx ivaċċinata, minkejja li jkollha prova ta’ PCR test negattiv minn pajjiżha, għandha tkun screened permezz ta’ PCR test ieħor hekk kif tasal f’Pajjiżna.
  3. Għandu jkun hemm loġistika aktar b’saħħitha li tantiċipa ż-żieda qawwija li qegħdin naraw fit-turiżmu u sabiex jiġi evitat il-kaos li rajna fil-portijiet fil-ġimgħat li għaddew.

Dan ukoll, sabiex jiġi evitat li Pajjiżna jerġa jkollu impost fuqu mill-ġdid xi restrizzjonijiet marbuta mat-tixrid tal-pandemija, u nkomplu ngħixu fin-normalita’ filwaqt li jkun hemm ir- rispett u l-infuzar ta’ dawk il-miżuri preventivi diġa eżistenti.