Lokali

Illejla jiftaħ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

Illejla fis-6 fiċ-Ċittadella Għawdex jingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Nemmnu Fik, Fiduċja f’Malta.

Dan il-Kunsill Ġenerali se jiftaħ bil-messaġġ tal-President tal-Kunsill Ġenerali Censu Galea u wara jsegwi diskors ta’ introduzzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech. Wara jkun hemm l-interventi ta’ diversi kelliema mistiedna fejn imbagħad il-Kap tal-PN Bernard Grech mistenni jagħmel id-diskors tal-għeluq.

Il-Kunsill Ġenerali mbagħad ikompli matul il-ġimgħa d-dieħla u jibqa’ għaddej sas-Sibt 17 taq’ Lulju meta jintemm b’diskors tal-għeluq mill-Kap tal-PN Bernard Grech.

Is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech qal li jqis dan il-Kunsill bħala wieħed importanti ħafna għax permezz tiegħu se jkun qed jitkompla l-proċess ta’ tiġdid tal-Partit Nazzjonalista għall-isfidi li hemm quddiemu partikolarment għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan se jkun Kunsill li se jeleġġi 18-il rappreżentant għall-Kumitat Eżekuttiv, f’elezzjonijiet li se jsiru l-Ġimgħa 16 u s-Sibt 17 ta’ Lulju. Fl-istess ġranet issir ukoll l-elezzjoni għall-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn f’dan il-każ l-elezzjoni tkun dik ta’ konferma. Dan għaliex Mark Anthony Sammut kien l-uniku persuna li tefa’ n-nomina sabiex tintela’ din il-kariga.

Dan il-Kunsill Ġenerali huwa wkoll eżerċizzju li jagħti ħarsa lejn il-ħidma politika li saret matul is-sena li għaddiet u fl-istess waqt iħares ‘il quddiem għall-ġejjieni… ġejjieni b’viżjoni għall-aqwa interess tal-Maltin  u l-Għawdxin kollha.