Edukazzjoni Lokali Saħħa

“L-iskejjel tal-Ingliż ixxukjati wara li kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom ħesrem” – FELTOM

Id-deċiżjoni li min-nhar l-Erbgħa li ġej jingħalqu l-iskejjel tal-Ingliż f’pajiżna ttieħdet mingħajr ma saret ebda konstultazzjoni mal-partijiet konċernati u hija deċiżjoni li xxukjatna.

Il-Federazzjoni tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta, il-FELTOM qalet li ma kinitx preparata u tinsab ixxukjata b’din id-deċiżjoni… deċiżjoni li hija riġida ferm għall-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż.

Il-Federeazzjoni qalet li d-deċiżjoni li ttieħdet f’daqqa tal-għeluq ta’ sezzjoni speċifika tas-suq tat-turiżmu se tkun problematika mhux biss għall-iskejjel tal-lingwi iżda wkoll għas-settur turistiku kollu.

Il-FELTOM sostniet li din id-deċiżjoni unilaterali f’daqqa mill-Gvern tibgħat messaġġ li cluster li ma ħareġ minn ebda ksur ta’ protokolli mill-operaturi fl-iskejjel tagħhom, jista’ jwassal għal tali miżuri sproporzjonati u estremi.

Filwaqt li fissret li tirrispetta d-deċiżjoni tal-Gvern li jżid ir-restrizzjonijiet, FELTOM qalet li l-iskejjel tal-Ingliż għandhom jibqgħu miftuħa bħall-istituzzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha.