EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

“Lest għall-akbar partita fil-karriera tiegħi” – Harry Kane

(Ritratt: EPA)

Il-captain tat-tim nazzjonali Ingliż Harry Kane qal li jinsab lest u preparat għall-akbar partita fil-karriera tiegħu, il-finali tal-Euro 2020. Kane tkellem dwar kemm kienu mportanti l-familjari u n-nies li ħallew impatt fuq il-karriera tiegħu, li wassluh għal dan il-mument, fejn se jmexxi lit-tim nazzjonali Ingliż fl-ewwel finali tagħhom wara 55 sena.

L-attakkant ta’ 27 sena elenka wkoll il-viżjoni li kellha l-FA Ingliża fil-proċess tagħha sabiex tibni tim kompettitiv li jista’ jikkompeti għall-Kampjonati Ewropej u finalment għat-Tazza tad-DInja tal-Qatar fl-2022. Il-captain Ingliż qal li għalkemm l-Italja għandhom aktar suċċess fuq livel internazzjonali, hu jinsab kunfidenti li l-Ingilterra kapaċi joħolqu problemi fid-difiża Taljana.

Kane faħħar ukoll l-impatt tal-kowċ Gareth Southgate fuq it-tim, fejn rnexxielu joħloq sinerġija bejn il-plejers nfushom u l-partitarji Ingliżi. Għada Harry Kane jista’ jsir l-ewwel captain Ingliż li jgħolli trofew sa minn Bobby Moore, li mexxa lit-tim nazzjonali Ingliż għall-uniku suċċess internazzjonali fit-Tazza tad-Dinja tal-1966.