“Jekk int tħobb in-nazzjon taghna – Ma hemmx għalfejn tkun Nazzjonalist – imma tista’ tingħaqad magħna għal ħidma favur in-nazzjon. Jekk inti trid tbiddel il-pajjiż. Aħna ukoll. Ejja naħdmu flimkien. Aħna nemmnu fik – aħna għandna Fiduċja f’Malta.“
Messaġġ b’saħħtu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalita Bernard Grech meta kien qed jagħlaq l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali bit-tema Nemmnu Fik, Fiduċja f’Malta li sar fil-gżira Għawdxija.
Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa dak il-partit li jibni l-politika tiegħu qalb in-nies għax huwa partit li jemmen fil-potenzjal tal-persuna. Partit li għolla isem Malta fil-familja Ewropea fuq livell globali għall-kuntrarju ta’ dak li għamel Gvern Laburista li ċappas il-bandiera bajda u ħamra bil-griż tal-isfiduċja.
“Aħna rridu nifirxu l-friex tal-kredibilita minflok dik tal-isfiducja li ġab fuqna l-Gvern Laburista. Aħna rridu nergghu nigbdu lejn art twelidna l-ammirazzjoni minflok il-hars suspettuz. Malta ma jixirqilhiex hekk, il-poplu – Malti u Ghawdxi ma jixraqlux hekk. Bis-sahha ta’ kulhadd flimkien mal-Partit Nazzjonalista rridu nibnu fiduċja ġdida f’Malta u Għawdex.“
Dwar il-pandemija tal-COVID-19 Bernard Grech qal li pajjiżna baqa’ bl-istess mekkaniżmi li s-sena l-oħra tellfu staġun tas-sajf għal ħafna ristoranti u lukandi u ġabu fuq pajjiżna eluf ta’ każijiet.
“Is-suppervja tal-Gvern li ma jisma’ minn ħadd qed tipperikola lill-eluf ta’ impjiegi fit-turiżmu u l-ħajjiet u l-istil ta’ ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, il-pjanijiet u l-studju taż-żgħażagħ tagħna, is-saħħa mentali ta’ ħafna.“
Ma naqasx li l-Kap tal-PN jitkellem ukoll dwar il-gżira Għawdxija u x-xogħol siewi li sar mill-cluster politiku dwar Għawdex b’politika ta’ Malta msawra mill-Għawdxin. Huwa qal li dan huwa l-uniku vera mod kif ikun assigurat li Għawdex ikun tassew prijorità b’enfasi partkolari tingħata lis-settur tas-saħħa u dak ambjentali.
“Għalina Għawdex huwa wkoll l-ewwel fruntiera fil-ġlieda tagħna għal ambjent aħjar. Għamilniha ċara bid-deċiżjoni tagħna fuq ħondoq ir-rummien – aħna impenjati li nixtru dik l-art u nagħmluha park nazzjonali kif ħaqqhom il-familji Għawdxin biex igawdu s-sbuħija ta’ din il-gżira flok jagħmlu s-snin isofru aktar trab u konġestjoni tat-traffiku.“
Bernard Grech qal li fl-ewwel disa’ xhur tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ diversi persuni anke Laburisti ġenwini li ddejqu mill-abbużi tal-Gvern attwali. Għalhekk sostna li f’dawn l-aħħar xhur bena fuq dak li kien beda l-predeċessur tiegħu Adrian Delia u llum l-PN għandu 13-il cluster politiku li qed jaħmu l-ideat u l-prosposti politiċi li ġejjin mingħand in-nies u jirrispondu għall-bżonnijiet tagħhom.

Huwa saħaq li minn dan kollu joħroġ biċ-ċar li l-azzjoni meħtieġa tinfirex fuq tliet livelli – il-viżjoni, in-nies li jirappreżentaw din il-viżjoni u l-komunikazzjoni tal-messaġġ. Viżjoni fejn Malta ssib bilanċ aħjar fuq l-isfidi ewlenin ta’ pajjiżna… mill-iżvilupp urban sal-ambjent, mill-politika dwar l-immigrazzjoni sal-materji kollha ta’ karattu etiku u morali. Bernard Grech qal li jrid pajjiż li jieqaf jifred u jippolitiċiżża kollox u minflok jiżra’ l-apprezzament fil-ħiliert ta’ kulħadd.
“IVA, POSSIBLI. Possibli li nsibu t-triq tar-raġuni fejn sa issa dejjem rajna nuqqas ta’ raġuni. Possibli per eżempju li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jibqgħux tema ta’ kull elezzjoni bħal ma ser iġiegħlna tkun l-ineffiċjenza u l-qerq tal-gvern preżenti. IVA, POSSIBLI li nsibu bilanċ ferm aktar bis-sens bejn ambjent u żvilupp – fejn l-ambjent naturali jkun il-patrimonju ta’ kull Malti li jipproteġih bħala kuraturi tal-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li għadhom ma twieldux. Fuq kollox, IVA, POSSIBLI, li minkejja dak li nisimgħu mis-surveys, ikollna Partit Nazzjonalista li jissaħħaħ tant li jista’ jimmira jiggverna – mis-sena d-dieħla.“
Il-Kap tal-PN ħeġġeġ lil dawk kollha li dawk kollha li jimmilitaw f’movimenti politiċi jew għaqdiet volontarja u dawk kollha li għandhom lil Malta għal qalbhom, biex jingħaqdu mal-Parti Nazzjonalista kontra l-arroganza tal-poter mill-Gvern Laburista.
“Biex nagħmlu dan jiena qiegħed nassigurakom li aħna lesti b’umilta nadattaw u ninbidlu biex nilqgħu fostna lil kulħadd. mhux biss il-bieb tagħna miftuħ beraħ għal kull min irid jingħaqad magħna, iżda aħna lesti li niġu għandkom aħna u nibnu flimkien il-viżjoni li tgħaqqadna… il-viżjoni li tixraq lill-pajjiżna.“
Bernard Grech qal li l-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li jemmen fil-persuna… li jagħti fiduċja lil dan il-pajjiż. Huwa qal li filwaqt li ħaddieħor ibaxxi isem Malta fil-lista l-griża, aħna rridu nkunu dawk li naħdmu u nistinkaw biex pajjiżna jerġa’ jkun fejn jixraqlu fuq il-lista l-bajda. Partit li jemmen fil-bżulija tal-bniedem fejn l-ideat tal-persuni jkunu l-pedament ta’ dan il-pajjiż.
“Trid titfassal paġna ġdida ta’ politika ta’ umiltà – politika ta’ serjetà – politika li tibni kollox fuq it-twemmin tagħna tal-kapaċitajiet straordinarji tal-Maltin u l-Għawdxin – politika li tibni kollox fuq il-fiduċja tagħna f’pajjiżna.“
//= $special ?>