Lokali

Rabja kbira fost dawk li kellhom pjanijiet li jsiefru

Diversi persuni li għamlu kuntatt ta’ Net News esprimew ir-rabja tagħhom wara dak li tħabbar ilbieraħ hekk kif min-nhar l-Erbgħa li ġej se jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet ġodda marbuta mal-ivvjaġġar.

Diversi familji kellhom pjanijiet li wara tant xhur ta’ sagrifiċċji minħabba l-pandemija tal-COVID-19, matul is-sajf isiefru. Iżda dawn il-pjanijiet qed jisfumaw fix-xejn hekk kif diversi persuni għadhom mhux imlaqqma biż-żewġ dożi tal-vaċċin u konsegwenza ta’ dan… ma jistgħux isiefru.

Persuna partikolari qaltilna li ilna mill-aħħar ta’ Ġunju titlob sabiex it-tifel tagħha jingħata t-tilqima… iżda dan għadu sal-lum, ma ngħatax l-ewwe doża. Hija saħqet li kieku l-Awtoritajiet tas-Saħħa laqqmu lil binha mal-ewwel, sal-lum kien ikun imlaqqam u kien ikun jista’ jsiefer. Sitwazzjonijiet simili qed jgħaddu minnhom diversi Maltin li jgħixu barra u kellhom pjan li jiġu jqattgħu l-vaganzi tagħhom f’pajjiżna.

Dan kollu huwa konsegwenza ta’ nuqqas ta’ pjanar min-naħa tal-Gvern b’mod partikolari min-naħa tal-Ministeru tat-Turiżmu.

Minn nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Lulju, dawk il-persuni li għandhom ċertifikat tal-vaċċin kontra l-Covid-19 rikonoxxut mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biss jistgħu jidħlu f’pajjiżna; jiġifieri dak Malti, mir-Renju Unit jew tal-Unjoni Ewropea.

Ġie spjegat li  biex tidħol f’pajjiżna m’għadux biżżejjed PCR test iżda persuna trid tkun ivvaċċinata…għajr għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena.

Minn nhar l-Erbgħa wkoll il-Gvern iddeċieda li se jkunu qed jagħlqu l-iskejjel tal-Ingliż fil-Gżejjer Maltin wara li 9 skejjel kellhom diversi każijiet tal-virus fl-aħħar jiem..