Lokali

Abela jibqa’ sieket dwar Rosianne Cutajar

Il-Prim Ministru Robert Abela injora għal kollox il-fatt li għal darb’oħra wassal tamiet foloz lill-industrija tat-turiżmu kif ukoll lill-iskejjel tal-Ingliż…u minflok saħaq li l-Gvern immexxi minnu huwa mnebbaħ mill-prinċipju tal-għaqal.

Dan hekk kif f’intervista fuq ir-radju tal-Partit Laburista Abela saħaq li meta ra li l-pajjiż kellu sfida oħra quddiemu, huwa aġixxa mill-ewwel.

Madanakollu bosta qed isejħu dan il-pass bħala u-turn oħra minn naħa tal-Gvern wara li għalaq l-iskejjel tal-Ingliż u xeħithom fi kriżi mingħajr mistennija.

Mhux talli Abela ma ħassx li kellu jagħmel apoloġija għat-tkaxkir tas-saqajn u d-deċiżjonijiet żbaljati jew saħansitra tard meħuda mill-Gvern Laburista…iżda bin-narrattiva tiegħu farfar ir-responsabbiltà kollha fuq dawk il-persuni li s’issa għadhom mhux imlaqqma.

Dan filwaqt li saħaq li l-Gvern dejjem mexa b’għaqal tul il-pandemija minkejja li kien huwa stess li wiegħed normalità għal aktar minn darba kif ukoll li insista li l-mewġ kien jinsab fil-baħar bil-konsegwenza li kellna żieda massiċċa fil-każi fix-xhur li għaddew bil-konsegwenza li għal żmien twil is-settur mediku ta’ pajjiżna kien kważi spiċċa għarkopptejh.

Robert Abela mhux biss għażel li jinjora l-u-turn li wettaq il-Gvern Laburista iżda injora għal kollox is-sitwazzjoni tad-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar. Id-diskors tal-Prim Ministru kien wieħed deskritt bħala surreali fejn filwaqt li saħaq li jrid ikompli l-ġlieda kontra r-reati finanzjarji għadu qed iħalli fil-Grupp Parlamentari Laburista lil Cutajar…minkejja li għaddejja minn 4 investigazzjonijiet b’rabta mal-biċċa negozju ta’ senserija li kellha man-negozjant Yorgen Fenech.

Intant il-Mexxej Laburista għażel li jagħti x’jifhem li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż dejjem wasal għand il-but ta’ kulħadd.

Madanakollu l-aħħar ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatiska wrew li kien hemm żieda fil-perċentwali ta’ persuni li ma jifilħux spiża finanzjarja qawwija bla mistennija li tiżboq is-740 ewro, b’żieda wkoll ta’ familji li l-finanzi ma jippermettulhomx li jsiefru għal ġimgħa, kif ukoll żieda f’dawk il-households li ma jifilħux finazjarjament jixtru washing machine jew karozza.

B’Robert Abela pratikament jammetti l-falliment tal-Gvern Laburista.