Il-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa qed jerġgħu jimponu restrizzjonijiet għall-poplu fost tħassib dwar l-ispinta ‘veloċi’ fl-infezzjonijiet bil-varjant ‘Delta’ tal-Covid-19. Minkejja li l-imwiet u s-sitwazzjonijiet fejn in-nies jeħtieġu kura l-isptar huma baxxi madwar l-Ewropa, il-Gvernijiet tal-Istati huma xorta ansjużi dwar l-iżviluppi filwaqt li determinati biex ma jissugrawx is-saħħa ta’ nieshom.
Pajjiżi bħal Spanja, il-Portugall, il-Greċja u Ċipru (li kienu fost l-ewwel li fetħu mill-ġdid wara l-perjodi tal-lockdown) huma fost l-Istati li qed jissikkaw ir-restrizzjonijiet. Dan waqt li Franza wissiet liċ-ċittadini biex ma jqattgħux il-btajjel tas-sajf fi Spanja u l-Portugall, u bil-Ġermanja żżid lil Ċipru mal-lista ta’ destinazzjonijiet ‘b’inċidenza preokkupanti tal-virus’ – li jfisser li turisti Ġermaniżi li ma ħadux it-tilqima sħiħa jridu jiżolaw ruħhom mar-ritorn f’pajjiżhom.
Il-biża’ ewlenija madwar l-Ewropa hi l-pajjiżi jkollhom jiffaċċjaw ‘mewġa kbira tal-varjanti’. Dan waqt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea rrealizzat l-impenn biex twassal biżżejjed vaċċini għal kontra l-Covid ‘biex ikopru mas-70 fil-mija tal-popolazzjoni adulta.’
Iżda von der Leyen għamlitha ċara li ħadd ma jista’ iserraħ rasu mis-sitwazzjoni meta l-varjant ‘Delta’ qed jagħmel tajjeb għal aktar minn 40 fil-mija fost il-każi tal-Covid fi Franza u għal 70 fil-mija tal-każi fil Portugall. Dan meta l-UE għandha tkompli tissupplixxi l-vaċċini ‘anki għal kontra l-varjanti ġodda tal-virus’.
L-inċidenza tal-varjant fi Spanja issa telgħet għall-ekwivalenti ta’ 215 każ għal kull 100,000 persuna. Filwaqt li l-ekonomija ta’ Spanja tiddependi ferm mit-turiżmu, dan il-pajjiż qed jagħmel li jista’ biex iżomm il-bilanċ bejn it-turiżmu u l-mezzi li jevitaw trasmissjoni tal-virus.Madankollu, il-Ġermanja, issa, iddeċidiet xorta li tiddikjara l-pajjiż kollu ta’ Spanja bħala ‘ COVID risk zone’ b’dan għandu jaffettwa sew l-ammonti tat-turisti lejn dan il-pajjiż.
F’Ċipru, li rreġistrat l-ogħla inċidenxa ta’ każi tal-Covid fl-Ewropa fuq perjodu ta’ 14-il jum, in-nies iridu juru l-provi li ħadu t-tilqima inkella test negattiv għal ħarġa saċ-ċinema jew it-teatru.
Intant, l-inċidenza tal-virus fil-Greċja ma tidhirx għolja bħal ta’ Ċipru, iżda qed ikunu imposti restrizzjonijiet fuq ir-ristoranti, il-bars u n-nightclubs – fejn minn issa, l-istabbilimenti jridu jkollhom biss kapaċità għan-nies li jibqgħu bil-qiegħda madwar l-imwejjed.
Anki fi Franza, il-Gvern wissa li raba’ mewġa tal-virus ikkaġunat mill-varjant ‘Delta’ kapaċi jipperikola l-istaġun tas-sajf għal kulħadd – iżda mexxejja tal-G20 ( l-aktar pajjiżi industrijalizzati fid-dinja) tkellmu kontra r-reimpożizzjoni tar-restrizzjonijiet fost kummenti li d-dinja għandha żżomm lura milli ‘tillimita l-ħajja tan-nies’ bħala mezz biex tikkumbatti din il-pandemija.
//= $special ?>