Lokali

Deputati tal-Labour jgħidu li Cutajar se tfarfar kollox fuq it-Tikka

L-istrateġija tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar sabiex tibqa’ tifforma parti mill-Grupp Parlamentari tidher li hija ċara.

Skont rapport fis-Sunday Times, deputati tal-Labour qed jgħidu li l-eks Segretarju Parlamentari se tkompli titfa’ kollox fuq il-ħabib intimu tagħha, u konsulent fis-segretarjat tagħha Charles Farrugia magħruf bħala t-Tikka.

Rapporti fis-Sunday Times qed jgħidu li l-probabbiltà hi li t-Tikka jkollu jiddikkjara li rċieva s-senserija kollha fuq il-bejgħ ta’ propjetà ta’ tliet miljun ewro, propjetà li kienet se tinxtara mill-ħabib intimu l-ieħor ta’ Cutajar,Yorgen Fenech.

Dan kollu fid-dawl tal-fatt li Rosianne Cutajar fil-jiem li ġejjin mistennija tkun infurmata formalment li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni fuq evażjoni ta’ taxxa.

Din l-aħħar saga ta’ Cutajar, li ilha s-snin fil-media fuq rapporti varji li jorbtuha mal-imprenditur akkużat bl-involviment fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kompliet tpoġġi pressjoni fuq il-Grupp Parlamentari Laburista, u aktar w’aktar fuq il-Prim Ministru Robert Abela, li fil-Kabinett għandu Ministru li fuqu hemm allegazzjonijiet qawwija li jorbtuh mas-serqa tal-HSBC.

Intant, il-Kumitat Parlamentari se jkun qed jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi dwar Rosianne Cutajar nhar it-Tnejn. Seduta li tulha mistenni jidher l-istess George Hyzler.