Internazzjonali

Haiti: Fadal il-mistoqsijiet dwar il-qtil tal-President Moise….bil-First Lady titkellem għall-ewwel darba wara l-attakk

L-attakk ta’ jiem ilu fuq il-President Jovenel Moise u l-mara tiegħu għadu mingħajr ħafna ispjegazzjonijiet sinifikanti u meta sallum ħadd għadu ma jaf eżattament min organizza l-azzjoni li swiet il-ħajja ta’ dan il-President.

Mistoqsija importanti hi kif l-assassini – fosthom numru ta’ merċenarji Kolombjani – setgħu jidħlu fir-residenza tal-President u martu u mistenni li fil-jiem li ġejjin, il-gwardjani personali ta’ Moise ikunu suġġetti għal interrogazzjoni sħiħa.

Intant, Martine Moise, il-First Lady ta’ Haiti li spiċċat midruba fl-attakk, tkellmet għall-ewwel darba dwar il-ħmar-il lejl li għaddiet minu u fejn żvelat li l-assassini kienu ‘tertqu lil żewġha bit-tiri’ wara li sfurzaw ruħhom fid-dar tal-koppja, tard matul il-lejl tal-Erbgħa, is-7 ta’ Lulju,

Hi rrappurtat li l-attakk tant tmexxa malajr li żewġha ‘ma kellux ċans li jgħid imqar kelma.’ Jidher ukoll, li l-attakk kien jinvolvi madwar 30 merċenarju minn barra Haiti, b’Martine Moise – li wara l-attakk ittieħdet lejn Miami (fl-Istati Uniti) għal trattament – qed tissuġġerixxi li żewġha spiċċa assassinat għal raġunijiet politiċi.

Il-First Lady ta’ Haiti bagħtet ‘voice message’ fuq il-paġna tagħha fuq Twitter fejn ħalfet biex tkompli x-xogħol tal-President maqtul.

Martine Moise qed tallega li waħda mir-raġunijiet li setgħet swiet il-ħajja ta’ żewġha kienet l-intenzjonijiet ta’ Jovenel Moise biex iwettaq il-bidliet fil-Kostituzzjoni ta’ Haiti u li setgħu tawh aktar poteri ‘il quddiem.

‘Jidher li dawn in-nies anonimi riedu joqtlu wkoll il-ħolma tal-President’ qalet Martine Moise, li enfasizzat id-determinazzjoni tagħha biex pajjiżha ‘ma jitlifx it-triq li kien qabad’.

Jovenel Moise, li kellu 53 sena, kien ilu President ta’ Haiti – l-ifqar pajjiż fir-reġjun tal-Americas – mill-2017. It-tmexxija tiegħu żgur li ma kenitx nieqsa mill-kontroversji waqt li hu kellu jiffaċċja diversi akkużi ta’ korruzzjoni, fost id-dimostrazzjonijiet kontra tiegħu fil-kapitali, Port-au-Prince u bliet oħra ta’ Haiti.

L-elezzjonijiet għall-Parlament ta’ Haiti suppost li kienu saru f’Ottubru tal-2019 iżda dawn kellhom ikunu posposti minħabba d-diżgwid dwar diversi punti relevanti għall-proċess.

Dan kien ifisser li Moise spiċċa jmexxi pajjiżu bid-digriet u meta l-President maqtul kien qed jippjana biex, f’Settembru, jorganizza referendum dwar il-bidliet proposti għall-Kostituzzjoni ta’ Haiti.

Fi Frar li għadda – fil-jum proprju meta l-Oppożizzjoni insistiet biex Moise iwarrab mill-Presidenza – il-President innifsu kien żvela li ‘sfuma fix-xejn attentat fuq ħajtu u biex jitwaqqa l-Gvern immexxi minnu’.