Wara xahar sħiħ ta’ futbol bla waqfien madwar ħdax-il belt fl-Ewropa, illum se jintlaħaq il-qofol bil-finali f’Wembley Stadium, bejn l-Ingilterra u l-Italja. Din il-partita qajjmet entużjażmu partikolari f’Malta, fejn bosta partitarji huma partitarji taż-żewġ timijiet.
Madanakollu, din il-partita hija wkoll l-ewwel finali wara 55 sena għall-Ingilterra. L-Ingilterra kellhom bidu tajjeb b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Kroazja. Huma segwew din ir-rebħa bi draw deludenti ta’ 0-0 kontra l-Iskozja. F’dan il-punt tat-tournament Gareth Southgate u l-players tiegħu kienu qed jaffaċċjaw kritika għan-nuqqas ta’ fluwenza fl-attakk. Madanakollu fil-partita kontra r-Repubblika Ċeka t-tim Ingliż lagħbu b’aktar intensita’, b’Bukayo Saka u Jack Grealish ikunu protagonisti f’din il-partita.
Minn hemmhekk l-Ingilterra baqgħu jitjiebu partita wara l-oħra, b’Raheem Sterling u Harry Kane jispikkaw fir-rebħa kontra l-Ġermanja fil-partita tal-aħħar sittax, li tagħat aktar tama lill-partitarji Ingliżi li din is-sena jaf tkun is-sena tagħhom. Fl-uniku partita tagħhom barra mill-pajjiż, l-Ingilterra kisbu rebħa dominanti kontra l-Ukrajna f’Ruma bl-iskor ta’ 4-0, fejn urew is-saħħa tagħhom speċjalment mis-set pieces. Biex fis-semifinali, minkejja ir-reżistenza li sabu mid-Danimarka huma rnexxielhom jirbħu l-partita fil-ħin barrani.
Min-naħa l-oħra t-tim Taljan dehru li se jkollhom tournament mill-aqwa mill-ewwel partita tagħhom meta għelbu lit-Turkija bl-iskor ta’ 3-0 f’Ruma. Fit-tieni partita kontra l-Iżvizzera għal darb’oħra reġgħu skorjaw tliet darbiet mingħajr ma qalgħu gowl. Wara li kisbu rebħa oħra kontra Wales l-Italja affaċjaw lill-Awstrija f’Wembley Stadium fejn kellhom bżonn il-ħin barrani u gowls minn Federico Chiesa u Matteo Pessina sabiex għamluha għall-kwartifinali.
Kien hawnhekk li l-Italja affaċċjaw l-akbar test tagħhom kontra l-qawwa tal-Belġju. Madanakollu, it-tim immexxi mill-kowċ Roberto Mancini rnexxielhom ixxejnu lill-plejers bħal Romelu Lukaku u Kevin de Bruyne, b’gowls minn Nicolo Barella u ġmiel ta’ gowl ta’ Lorenzo Insigne kienu biżejjed biex għaddew għas-semifinali. Hawnhekk huma ltaqgħu kontra t-tim żagħżugħ Spanjol li bit-talent tiegħu rnexxielu jieħu lit-tim Taljan għall-penalties. Iżda t-Taljani kienu aktar komposti mill-ħdax-il metru u għaddew għar-raba’ finali tagħhom fil-Kampjonati Ewropej.
EURO 2020 : FINALI : Italja v Ingilterra 9.00pm Wembley Stadium
//= $special ?>