Lokali Qorti

Ħabs talli ppersonifika pulizija u ta ċitazzjonijiet għax ma ntlibsitx il-maskra

Raġel ta’ 37 sena wieġeb ħati u ntbagħat 18-il xahar ħabs talli allegatament iffroda lin-nies billi lagħabha li hu pulizija biex jisraq il-flus permezz ta’ taparsi ċitazzjonijiet għax ma jkunux libsin maskra. Jon Charles Seabrook, imwieled l-Ingilterra, ammetta li bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju li għadda ħa f’idejh il-funzjoni ta’ uffiċjal tal-Pulizija jew ta’ uffiċjal pubbliku u għamel qligħ b’qerq għad-dannu ta’ mill-anqas erba’ turisti u pprova jagħmel l-istess fil-konfront ta’ ieħor.

Huwa ammetta wkoll li insulenta jew hedded tnejn mit-turisti u li kiser sentenzi oħra tal-Qorti. Ir-raġel għadu kemm skonta sentenza ta’ ħabs Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jessica Bezzina u Leeroy Balzan Engerer u d-difiża qablu mal-piena dwar dan il-każ.

Minkejja li l-akkuża tgħid li huwa qarraq mill-anqas b’ħames turisti, mhux magħruf kemm hija s-somma ta’ flus li Seabrook ħa lill-barranin u kemm hemm vittmi. Min kien jirrifjuta biex jgħaddilu l-flus, kien jinfurmahom li kien se jarrestahom.

Il-Pulizija bdiet tirċievi rapporti li f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan hemm raġel, li qed jgħid li huwa pulizija, iwaqqaf in-nies u jgħidilhom iħallsu multa peress li ma jkunux liebsin maskra. Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet u l-osservazzjonijiet, u r-raġel ġie arrestat f’Tas-Sliema.