Lokali

Jinħelsu għasafar tal-plajja wara li ġew maqbuda llegalment

Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, veterinarji assitew lil BirdLife Malta fir-riabilitazzjoni u l-ħelsien lura fis-selvaġġ ta’ numru ta’ għasafar tal-plajja li ġew konfiskati hekk kif kienu ġew maqbuda llegalment.

F’post fin-Nofsinhar ta’ Malta, instab mansab attiv b’gaġġeġ mimlijin għasafar tal-plajja u diversi għasafar ta’ speċi differenti oħra. L-għasafar kienu jinkludu varjetà ta’ speċi bħal Tellerita, Swejda, Swejda Ċara u Pispisella, Girwiel Prim, Monakella u Monakella Prima, Ċuvett u Pluverott… bonanza ta’ speċi ta’ tajr tal-plajja li kollu spiċċa fil-mira tal-insib illegali bl-użu ta’ clap nets, apparat tal-għajjat elettroniku, provvista abbundanti ta’ ilma u għasafar tat-taħrik. Is-sejba kienet tinkludi wkoll qatgħa sħiħa ta’ Fras-servjenti li x’aktarx inqabdu flimkien bl-użu ta’ xibka waħda.

L-għasafar kollha ġew iċċekkjati minn veterinarji li ċċertifikaw il-parti l-kbira minnhom bħala b’saħħithom biżżejjed biex jinħelsu fit-tliet riservi naturali ta’ BirdLife Malta li jinsabu l-Għadira, is-Simar u s-Salina – abitat ideali għal dawn it-tip ta’ għasafar. Huma twaħħlilhom ċurkett apposta qabel inħelsu.

Qed ikun appellat biex jekk wieħed josserva attività ta’ nsib illegali, jiddokumenta din l-attività permezz ta’ ritratti u filmati u jagħmel kuntatt ma’ BirdLife Malta. Rapport f’waqtu jista’ jsalva l-ħajjiet ta’ dawn l-għasafar tal-plajja li jispiċċaw maqbudin fi xbieki u gaġeġ wara vjaġġ twil mit-Tramuntana tal-Ewropa.