Lokali

“Kruċjali li min jitlob l-għajnuna biex joħroġ mill-vizzju, jsibha immedjatament” – Caritas

Il-Fondazzjoni Caritas temmen li jeħtieġ aktar flessibiltà u aktar attenzjoni għal kull każ individwali fil-konfront ta’ persuni bil-vizzju tad-droga li tingħatalhom sentenza ta’ ħabs.

F’intervista ma’ Anthony Gatt ftit jiem wara l-mewta traġika ta’ priġunieri ta’ 29 sena, id-Direttur ta’ Caritas Malta qal li jeħtieġ li jkun hemm aktar flessibilita ma’ persuni li jkollhom l-ewwel sentenza tagħhom jew li jkunu vulnerabbli.

Gatt spjega li l-flessibilta trid tkun kemm fil-bidu ta’ dawn is-sentenzi, kif ukoll lejn it-tmiem tagħhom.

Huwa tkellem dwar il-ħtieġa li jkunu kkunsidrati tnaqqis fis-sitt xhur mandatorji ta’ ħabs għal persuni b’vizzju tad-droga skont il-każ partikolari,  bħal f’każ ta’ persuna li dieħla il-ħabs l-ewwel darba.

Anthony Gatt spjega wkoll għalfejn huwa kruċjali li persuna li titlob l-għajnuna biex toħroġ mill-vizzju tad-droga għandha tingħatala kemm jista’ jkun malajr. Huwa qal li f’każ ta’ addiction, meta persuna tkun waslet timmotiva ruħha li tagħmel xi ħaġa biex toħroġ mill-vizzju, huwa importanti li l-għajuna tkun immedjata ħalli l-persuna ma tilħaqx titlef din il-motivazzjoni.

Anthony Gatt spjega kif ħafna drabi jkun hemm mument partikolari li jwassal lil persuni biex tbiddel id-direzzjoni. Huwa qal li ħafna drabi f’każ ta’ dipendenza qawwija tad-droga wieħed ma jiċċaqqlaqx qabel ma jsibu ruħhom darhom mal-ħajt. Huwa qal li diversi niex ġew darhom mal-ħajt għax missew mal-ħabs, jew ma’ Mount Carmel. Gatt spjega li dawn iċ-ċirokostanzi ġieli jkunu dawk li jwasslu lil persuna tbiddel it-triq tagħha.

Id-Direttur ta’ Caritas qal ukoll li minbarra l-għajnuna li tagħti din il-fondazzjoni lil dawk il-ħabsin bi problemi ta’ droga, jeħtieġ ukoll li l-ħabs inniffsu ikun aktar post riabilitattiv milli penitenzjarju.

Anthony Gatt qal li min daħal fil-ħabs diġà tilef il-libertà u dak hu kastig qawwi li jista’ jkun punt li jbiddel id-direzzjoni ta’ persuni, madankollu huwa importanti li l-ħabs jiffunzjona aktar b’mod li jirriabilita.

Dwar it-trattament tal-priġunieri, Anthony Gatt qal li l-ħabsin jgħidu li l-kastig li jingħataw meta jkun hemm aġir mhux mixtieq huwa qawwi ħafna. Huwa qal li wieħed ma jistax jistenna li ma jkunx hemm konsegwenzi f’każi bħal dawn, madankollu din il-konsegwenza trid tkun proporzjonata.

Gatt qal li l-esperjenza fil-ħabs tista tkun waħda iebsa ħafna. Hu qal li hemm min jgħid “dawn għandhom televixin u playstation” qishom qed jgħixu f’lukanda, imma trid tkun għext l-esperjenza biex tifhem xi jfisser. Din, qal id-Direttur, tista’ tkun esperjenza trawmatika.

Anthony Gatt qal li l-Caritas hija kommessa li tibqa’ tgħin lil persuni bil-vizzju ta’ droga permezz tal-programmi tagħha. Dawn il-programmi jibqgħu jingħataw lil dawn il-persuni anke meta jkunu qatgħu qalbhom l-ewwel darba, u li iżda jirnexxielhom itemmuh b’suċċess meta jerġgħu isegwuh.

Ikkummenta