Lokali

STĦARRIĠ: Il-PN iżid l-appoġġ fost il-votanti

Fl-aħħar stħarriġ tal-ġurnal MaltaToday li ġie ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla jżid fl-appoġġ.

Huwa żied aktar minn punt ta’ perċentwal – żieda ta’ 1.1% sabiex laħħaq it-30.4% – żieda fuq l-istħarriġ tax-xahar li għadda.

L-istħarriġ juri li abbażi ta’ reġjuni, il-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh il-maġġoranza tal-appoġġ fit-tramuntana ta’ Malta bi kważi 5% iżjed mill-Partit Laburista filwaqt li fil-Punent iż-żewġ partiti jinsabu ras imb’ras.

Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed igawdi vantaġġ perċentwali fost dawk il-persuni li ssoktaw l-edukazzjoni tagħhom fuq livell terzjarju b’vantaġġ ta’ kważi 10%.

Waqt kollegament telefoniku mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li se jkun qed ikompli jaħdem favur il-Partit għal ġid ta’ pajjiżna.

Ta’ min wieħed jinnota li l-perċentwal ta’ persuni li vvotaw lil Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 u issa qed jgħidu li ma huma se jivvotaw lil ħadd żdied.

Net News tkellem mad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone fejn filwaqt li laqa’ dan ir-riżultat pożittiv, xorta waħda għad hemm ħafna xogħol xi jsir minn naħa tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq livell nazzjonali, skont dan l-aħħar survey, kieku ssir elezzjoni ġenerali illum il-Partit Laburista jikseb 44.9% tal-voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 32.4% – żieda għal Partit Nazzjonalista u tnaqqis għal dak Laburista.