Internazzjonali

Afrika t’Isfel: Rewwixti kontinwi wara s-sentenza għall-eks President Zuma

L-awtoritajiet f’dan il-pajjiż bagħtu lill-militar biex jikkontrolla sensiela ta’ irvellijiet li żbruffaw f’diversi bnadi wara s-sentenza ta’ ħabs li ngħat lill-eks President tal-Afrika t’Isfel, Jacob Zuma.

Il-folol li ħarġu fit-toroq vandalizzaw il-ħwienet u serqu varjetà ta’ oġġetti filwaqt li taw in-nar lill-bini – anki waqt li Jacob Zuma kien qed jikkuntesta s-sentenza tiegħu fl-ogħla qorti tal-pajjiż.

Fiż-żmien kollu li ilhom għaddejjin l-irvellijiet ( li żbruffaw il-ġimgħa l-oħra) tilfu ħajjithom numru ta’ nies, bil-pulizija jwettqu għexieren ta’ arresti.

Jacob Zuma, li għandu 79 sena, instab ħati dwar disprezz tal-qorti wara li naqas milli jattendi għal inkjesta dwar il-korruzzjoni li twettqet meta hu kien għadu l-mexxej tal-Afrika t’Isfel.

L-eks President – li qed jiċħad kategorikament għal kull konnessjoni mal-korruzzjoni – ċeda lill-pulizija ġimgħa ilu biex jibda jiskonta s-sentenza ta’ 15-il xahar priġunerija.

Hu, issa, qed jittama li l-ogħla qorti (kostituzzjonali ) tasal biex tirtira jew almenu tnaqqaslu s-sentenza waqt is-smigħ partikulari. Madankollu, l-esperti legali qablu li ċ-ċansijiet għal dan huma ‘żgħar u remoti’.

Sadanittant, il-każ ta’ Zuma xprunat drama legali bla preċedent fl-Afrika t’Isfel peress li din hi l-ewwel darba li eks President tal-pajjiż qatt spiċċa l-ħabs.