Sport Waterpolo

Birżebbuġa u Sirens ikollhom jikkuntentaw b’punt … San Ġiljan jiksbu rebħa faċli

Rapport: Stewart Said

SIRENS MECCA MARIN…….. 8

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 8

(4-1), (2-3), (1-2), (1-2)

Birżebbuġa Freeport irkupraw minn bidu negattiv fl-ewwel sessjoni u kienu qrib li saħansitra jiksbu t-tliet punti. B’dan id-draw, jistgħu jgawdu Valletta li nhar il-Ġimgħa jilagħbu proprju kontra Sirens. It-tim minn San Pawl il-Baħar naqas li jibni fuq il-vantaġġ li kellu u kien isofri telfa li kieku Jacob Sciberras ma ġabx id-draw lejn it-tmiem. Huma kellhom vantaġġ ta’ 4-1 fl-ewwel sessjoni, b’Christian Mifsud jiskorja l-uniku gowl ta’ Birżebbuġa.

Għalkemm sa dak il-ħin, dak il-gowl deher inutli, Birżebbuġa wieġbu wara l-gowl ta’ Jerome Zerafa Gregory. Gabriel Sammut u Christian Mifsud naqqsu d-distakk għal 5-3, bl-istess Sammut jirrispondi għall-gowl ta’ Marc Grech. It-tim ta’ Pierre Borg daħal fil-logħba u nazzarda ngħid li kienu l-aħjar fl-ilma f’dan il-mument. Huma ma bdewx iħossuhom inferjuri u bdew isibu tarf l-attakki ta’ Sirens.

Mifsud skorja t-tielet gowl personali u wara li ż-żagħżugħ Gabriel Melillo għamilhom 7-5 b’gowl mill-viċin, Sammut reġa’ naqqas id-distakk. Birżebbuġa ġabu d-draw fl-aħħar sessjoni permezz ta’ David Pace Lupi, bil-captain ta’ Sirens John Napier jitkeċċa wara l-gowl għal rimarki li għadda. Saħansitra Birżebbuġa marru fil-vantaġġ b’penalty ta’ David Cutajar iżda kien Jacob Sciberras li b’konklużjoni minn fuq ras Marco Rossi salva punt għal Sirens.

Sirens: O. Gauci, M. Grech (1), K. Erdogan, J. Sciberras (2), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia, M. Sciberras (1), I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, L. Caruana, M. Azzopardi, G. Melillo (1), T. Said, L. Falzon

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar, D. Pace Lupi (1), C. Mifsud (3), P. Serracino, S. Vassallo, D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, G. Sammut (3)

Referees: Alex De Raffaele, Stefan Licari

MARSAXLOKK BROWNS………… 5

SAN ĠILJAN MERCURY………….. 21

(1-7), (1-3), (2-6), (1-5)

Ebda sorpriża fit-tieni logħba tal-ġurnata. Iċ-champions San Ġiljan Mercury Towers ftit sabu diffikultà biex għelbu l-isfida ta’ Marsaxlokk Brown’s Pharma. Il-kwalità tal-Ġiljaniżi kienet ħafna għal Marsaxlokk hekk kif meta kienu bl-aħjar plejers fl-ilma, San Ġiljan iddominaw.

Il-partita kienet prattikament magħluqa fl-ewwel sessjoni hekk kif San Ġiljan skorjaw seba’ gowls konsekuttivi u kien biss Zach Micallef li naqqas id-distakk għal Marsaxlokk. San Ġiljan kienu f’pożizzjoni li setgħu jikkontrollaw u b’doppjetta ta’ Dino Zammit u gowl ta’ Ben Plumpton, kabbru l-vantaġġ għal 10-2.

Permezz tal-plejers regolari tagħhom, San Ġiljan komplew ikabbru l-vantaġġ b’sitt gowls li waslu minn ħames plejers differenti. B’distakk daqshekk kbir, il-kowċ ta’ San Ġiljan Dorian Pisani seta’ jagħti aktar opportunità liż-żgħażagħ fit-tim tiegħu, għalkemm fl-aħħar parti tas-sessjoni, reġgħu niżlu fl-ilma l-plejers stabbiliti li komplew ikabbru l-iskor.

Marsaxlokk:  B. Busuttil, S. Stellini, M. Pace, M. Martellacci, T. Agius, S. Busuttil (2), J. Galea, K. Cremona (2), Z. Micallef (1), P. Caruana Turner, M. Cacici, J. Portelli, F. Buhagiar, L. Mallia, K. Cauchi

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea (2), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (3), B. Plumpton (3), J. Bonavia (3), D. Ciantar, Da. Zammit (3), K. Galea, Di. Zammit (6), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Tully

Referees: Peter Balzan, Richard Magri

Logħob għal għada

Grupp A

Neptunes v Ta’ Xbiex    6.30pm

Marsaskala v Otters      7.35pm