Lokali

Charles Farrugia jiddikjara li rċieva l-flus kollha hu fuq il-bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina

Kif kien mistenni, Charles Farrugia magħruf bħala t-Tikka ddikjara li rċieva l-flus kollha hu fuq il-bejgħ ta’ propjetà ta’ tliet miljun ewro, propjetà li kienet se tinxtara mill-ħabib intimu tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, Yorgen Fenech.

U b’dan il-pass tkompli l-istrateġija tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar sabiex tibqa’ tifforma parti mill-Grupp Parlamentari.

Farrugia l-ewwel qal lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika li aġixxa bħala sensar iżda issa qed jgħid li hu laqqagħhom biss.

Rapport li ħareġ mit-Times jiżvela li Charles Farrugia bagħat ittra lill-Ispeaker Anġlu Farrugia fejn sostna li l-flus kienu bħala ħlas talli laqqa’ lill-bejjiegħ max-xerrej.

L-ittra kienet datata 9 ta’ Lulju, fl-istess jum li sorsi qrib il-Partit Laburisti indikaw il-probabbiltà li kien hemm ftehim bejn Farrugia u Cutajar li jkun Charles Farrugia li jiddikjara lill-awtoritajiet tat-taxxa li kien irċieva l-miżati tas-senserija kollha hu.

Bħala senserija tħallsu total ta’ €124,000, bi €93,000 ġejjin mill-bejjiegħ Joseph Camilleri u €31,000 mingħand Yorgen Fenech.

Farrugia insista li Rosianne Cutajar, li hija wkoll suġġetta għal investigazzjoni li qed issir mid-Dipartiment tat-Taxxa, ma bbenefikatx mill-flus imħallsa lilu.

Id-Deputat Laburista rriżenjat b’mod temporanju minn Segretarju Parlament lura fi Frar li għadda wara allegazzjonijiet li ħadet €43,000 meta introduċiet lil Yorgen Fenech mal-bejjiegħ tal-proprjetà fl-Imdina.

Charles Farrugia qal li se jkun qed jippreżenta aġġustament fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu, minkejja li ma kienx legalment obbligat li jagħmel dan, peress li l-ħlas kien rigal.