Sport Sport Ieħor

Eleanor Bezzina u Andrew Chetcuti se jġorru l-bandiera Maltija fl-Olimpjadi

(Ritratt: Malta Olympic Commitee )

It-tiratriċi Eleanor Bezzina u l-għawwiem Andrew Chetcuti se jġorru l-bandiera Maltija fiċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq fl-Olimpjadi ta’ Tokyo. Filwaqt li Bezzina ikkompetiet fl-edizzjoni tal-2016 f’Rio, Chetcuti ikkompeta darbtejn fl-2012 f’Londra kif ukoll f’Rio fl-2016.

Minħabba d-diversi restrizzjonijiet fil-Ġappun marbuta mal-Covid 19 il-kontinġent Malti se jkollu jivvjaġġa fi ġranet differenti hekk kif l-atleti se jitħallew jidħlu fil-vilaġġ Olimpiku ħames t’ijiem qabel jibda l-Logħob Olimpiku. L-ewwel atleta li se tirrappreżenta lil Malta se tkun l-għawwiema Sasha Gatt li se tieħu sehem fil-heats tal-400 metru freestyle. MIn-naħa l-oħra Carla Scicluna se tkun l-aħħar atleta li se tirrappreżenta ‘l pajjiżna hekk kif se tikkompeti fl-atletika fil-100 metru fit-30 ta’ Lulju.

Il-kontingent Malti se jkun magħmul minn sitt atleti; it-tiratriċi Eleonor Bezzina, l-għawwiema Andrew Chetcuti u Sasha Gatt, Carla Scicluna fl-atletika, Yazmin Zammit Stevens fil-Weightlifting u Matthew Abela fil-Badminton. It-tim Malti se jkun immexxi mi-chief de mission Lucienne Attard, filwaqt li l-atleti se jkun assistiti mill-uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti, Ivan Balzan, Maria Vella-Galea, Dr.Kirill Micallef Stafrace u l-fiżjoterapista Milos Stanisavljevic.

Il-laqgħa li fiha ġew preżentati d-dettalji dwar il-kontinġent Malti f’Tokyo, ġiet indirizzata wkoll mill-president tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, is-segretarju ġenerali Joe Cassar, mid-direttur sportiv Ivan Balzan kif ukoll miċ-chef de mission Lucienne Attard.