Internazzjonali

Il-Ġordan: Ikkundannati dwar pjani għal rewwixta u ‘inċitament ta’ sentimenti’ kontra l-monarkija

Qorti fil-Ġordan għaddiet verdetti ta’ ħtija fil-konfront ta’ eks uffiċjal għoli qrib tal-familja rjali u raġel ieħor – qarib tar-Re Abdullah – b’konnessjoni ma’ ‘movimenti intiżi għal rewwixta’ u ‘inċitament ta’ sentiment nazzjonali’ kontra l-monarkija tal-pajjiż.

L-akkużati —  Bassem Awadallah u  Sharif Hassan bin Zaid – it-tnejn weħlu 15-il sena ta’priġunerija u meta huma qegħdin jiċħdu għall-akkużi.

Huma, ix-xahar li għadda, bdew jgħaddu ġuri  fil-Qorti tas-Sigurtà tal-Istat talli pruvaw iqajjmu moviment kontra r-reġim politiku u talli wettqu ‘azzjonijiet li jipperikolaw is-sigurtà tas-soċjetà fil-Ġordan.’

Awadallah u bin Zaid kienu arrestati f’April meta l-eks Prinċep Hamzah kien tqiegħed taħt arrest fid-dar tiegħu b’konnessjoni ma’ allegat kumplott biex itellef l-istabbilità tal-Ġordan.

Il-Prinċep Hamzah – li għandu l-istess missier tar-Re Abdullah iżda omm differenti – ma tressqulux akkużi dwar ‘il-kumplott kontra l-pajjiż’.

Sadanittant, ir-Re Abdullah kien iddeċieda li l-każ ta’ Hamzah kellu jkun deċiż ‘fi ħdan il-familja (irjali)’ wara li l-istess Hamzah, imbagħad, spiċċa jimpenja lealtà lil ħuh.

Il-Prinċep Hamzah, li għandu 41 sena, hu l-akbar iben tar-Re Hussein ( illum mejjet) u r-Reġina Noor. Hu ingħata t-titlu ta’ ‘crown prince’ fl-1999 wara l-mewt ta’ missieru u b’Abdullah jilħaq bħala Re tal-Ġordan — iżda Abdullah kien neħħih minn dik il-pożizzjoni fl-2004.

Fit-3 ta’ April, Hamzah kien ħareġ żewġ filmati fejn qal li kien qed jinżamm taħt arrest f’daru waqt li ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina. Intant, hu insista li kien tkellem biss ‘kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni fqira ta’ pajjiżu’.

Madankollu, il-Viċi-Prim Ministru tal-Ġordan allega li Hamzah kien involut f’kumplott ma’ xi entitajiet barranin u li anki pprova jorganizza ‘il-kapijiet ta’ numru ta’ tribujiet biex iqumu kontra l-Gvern tal-pajjiż’.

Fil-5 ta’ April, il-Prinċep Hamzah iffirma ittra fejn wiegħed li ‘hu obbligat li jirrispetta lill-Kostituzzjoni tal-pajjiż’ – bir-Re Abdullah jiddikjara li Hamzah ‘kien qiegħed mal-familja, fil-palazz, u taħt il-ħarsien personali tiegħu’.

Sadanitttant, talanqas 18-il persuna kienu spiċċaw arrestati dwar l-allegat kumplott – b’kollha jkunu liberati maż-żmien, ħlief għall-imputati Awadallah u Sharif Hassan.