B’referenza għall-kwistjoni bejn il-Gvern u l-Malta Association of Professional Engineers (MAPE), l-Oppożizzjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha sabiex tinstab soluzzjoni qabel il-Parlament jipproċedi bl-abbozz li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina u mill-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus, il-PN qal f’dan l-istadju, wara li l-ewwel tentattiv falla, fejn fuq l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni ntalbet laqgħa bejn il-partijiet kollha, l-Oppożizzjoni tipproponi li jinħatar medjatur li jgawdi l-fiduċja
tal-partijiet ikkonċernati, sabiex jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni li jwassal għal pożizzjoni komuni.
L-Oppożizzjoni hija konxja tal-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati fuq din il-kwistjoni, u għaldaqstant tat-theddida fuq l-abożż ippreżentat ġaladarba jkun approvat mill-Parlament qabel jingħalaq il-proċess ġudizjarju.
Mill-banda l-oħra, l-Oppożizzjoni hija wkoll konxja tar-Reasoned Opinion mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta f’dak li għandu x’jaqsam mat-trażpożżizzjoni tad-Direttiva Ewropea tas-Servizzi.
Huwa f’dan il-kuntest, li l-Oppożizzjoni terġa’ ttenni l-appell tagħha sabiex il-partijiet kollha jagħrfu r-responsabilitajiet tagħhom, biex l-approvazzjoni tal-Att dwar il-Professjoni talInġinerija ikun ħieles minn kull dubbju legali, jindirizza mingħajr dewmien it-trażpożżizzjoni tad-Direttiva Ewropeja, filwaqt li jitfassal wara konsultazzjoni sħiħa u propja, li tiggarantixxi l-aħjar qafas legali li fiha topera l-professjoni tal-inġinerija.
//= $special ?>