Lokali Parlament

Intalab ruling biex jitlaqqa’ l-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonimiċi u jiddiskuti l-lista l-griża tal-FATF

Il-PN qed jappella biex issir laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex jiġi diskuss u analizzat ir-rapport tal-FATF, liema rapport poġġa lil pajjiżna fuq il-lista l-griża.

Din it-talba mill-Oppożizzjoni saret fil-parlament permezz tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li qal li l-membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat ilhom xhur sħaħ jitolbu biex issir diskussjoni relatata ma’ din it-tema u materji marbutin magħha iżda għal raġuni jew oħra din qatt ma’ ġiet appuntata. Dan minkejja li kien hemm qbil fil-Kumitat li kien ukoll reġistrat fil-minuti tal-laqgħa tas-26 ta’ Frar 2020.

Għall-Oppożizzjoni din hija materja ta’ importanza nazzjonali u li l-istess Oppożizzjoni, anke f’din is-sitwazzjoni delikata għal pajjiżna trid tkompli tikkontribwixxi sabiex fl-interess nazzjonali, pajjiżna joħroġ fl-iqsar żmien possibbli minn fuq din il-lista l-griża, sostna Robert Cutajar, li qal ukoll li nhar il-Ġimgħa hu rċieva ittra fejn iċ-Chairman tal-Kumitat Jean Claude Micallef qallu li ma kienx qed jilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni.