Mill-2018 ġew konklużi biss ħames inkjesti maġisterjali mit-12 li ġew mibdija wara l-mewt tal-priġunieri tal-ħabs.
Minn informazzjoni rrappurtata qed ikun indikat li minn dawn il-ħames imwiet, waħda kienet suwiċidju u l-erbgħa l-oħra ġew attribwiti għal kawżi naturali minn patoloġisti.
Erbgħa mill-ħames inkjesti konklużi jikkonċernaw l-imwiet li ġraw fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin is-sena li għaddiet. L-ieħor jikkonċerna mewta li ġrat fl-2018.
F’kull waħda mill-erba’ mwiet naturali ċċertifikati, patoloġisti li wettqu l-awtopsji kkonkludew li l-irġiel mietu kawża ta’ problemi tal-qalb.
Minn Ġunju 2018 kien hemm 12-il mewta fil-ħabs. Dawn jinkludu l-mewt ta’ mara ta’ 29 sena li mietet ftit tal-jien ilu. Hija kienet iddaħħlet l-isptar wara li ppruvat twettaq suwiċidju tliet ġimgħat qabel.
Il-mara, li kienet qed tistenna biex tidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga ntbagħtet il-ħabs fi Frar li għadda.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Interni ċaħad li l-mara kienet qed tinżamm f’iżolament u bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali.
L-aħħar mewta qajmet tħassib dwar l-istat tal-Faċilità ta’ Kordin, li hija mmexxija mid-direttur tal-ħabs Alex Dalli li preżentament jinsab taħt pressjoni għall-metodi dixxiplinari tiegħu.
Intant… ftit tal-ġimgħat ilu l-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti dwar id-detenzjoni b’dixxiplina u b’dinjità, frott il-ħidma tal-clusters.
Dawn il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità jgħixu aktar nies minn darbtejn tal-popolazzjoni li tiflaħ.
//= $special ?>