Lokali Qorti

L-aħwa Degiorgio jilmentaw dwar trattament inuman fil-ħabs wara li spiċċaw maqfula għal 26 siegħa

Iż-żewġ allegati qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qegħdin isostnu li ġew maqfula fiċ-ċella tagħhom għal ta’ 26 siegħa bħala forma ta ‘”kastig” wara inċident fil-ħabs. Din il-“kastig” beda wara t-3 ta’ Lulju u għadu għaddejj skond l-avukat ta’ George u Alfred Degiorgio.

It-tnejn qegħdin isostnu li wara argument ma’ priġunier nhar is-Sibt 3 ta’ Lulju, huma kienu maqfula fiċ-ċella tagħhom għal 26 siegħa sħaħ u tħallew barra biss għal brejk qasir. Din il- “piena” hija inumana u degradanti, qal l-avukat tagħhom, William Cuschieri, f’ittra ġudizzjarja ppreżentata fil-Prim Awla, Qorti Ċivili kontra Alex Dalli.

Il-priġunier involut fil-battibekk spiċċa trasferit għad-Diviżjoni 5. L-aħwa Degiorgio isostnu li ma kellhomx tort, kif juru l-filmati maqbuda fuq CCTV u kkonfermati mill-uffiċjali tal-ħabs. Madankollu d-Direttur tal-ħabs qies li kien xieraq li jimponi piena bħal din mingħajr ebda għan, qalu l-aħwa.

Huma żiedu li din kienet biss waħda minn serje ta’ atti ostili kontrihom minn mindu talbu l-maħfra presidenzjali biex jikxfu informazzjoni li għandhom dwar l-eks ministru Chris Cardona u l-Ministru sedenti Carmelo Abela. Id-direttur ma kellu l-ebda dritt li jittratta l-priġunieri taħt il-kustodja tiegħu b’dan il-mod f’soċjetà demokratika”, huma saħqu, u appellaw lill-awtoritajiet tal-ħabs biex “immedjatament” iwaqqfu trattament bħal dan, filwaqt li rriżervaw d-dritt li jfittxu aktar azzjoni b’mod legali.