Raġel minn San Pawl il-Baħar ma nstabx ħati li 14-il sena ilu għamel rapport falz lill-Pulizija ġie lliberat wara li l-Qorti qalet li ma tressqux provi suffiċjenti minn naħa tal-Prosekuzzjoni dwar dan il-każ. Il-każ imur lura għall-5 ta’ Mejju tal-2007. Jirriżulta li kollox kien beda meta l-akkużat qal li raġel kien offendih f’bar.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmain Galea kienet qed tiddeċiedi fil-każ ta’ Ronal Apap ta’ 51 sena li matulu kull
ma xehdu kienu żewġ persuni, wara liema smigħ ta’ xhieda din il-Qorti diversament preseduta iddifferiet il-kawża ‘sine die’ fis-17 ta’ Ottubru 2012 u għal numru ta’ snin il-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova oħra ħlief dawk imressqa
fl-ewwel seduta tal-10 ta’ Settembru 2007.
Fil-5 ta’ Mejju 2007 l-Ispettur Therese Sciberras qalet li ċertu kien mar jirrapporta ġewwa l-Għassa tal-Qawra ċertu Salvu Camilleri li qal li huwa Surġent tal-Pulizija, u dan dwar inċident li seħħ lejliet fl-Incognito Bar and Restaurant. Camilleri rrapporta li waqt li kien fl-imsemmi stabbiliment kien hemm persuna li insulentah.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-persuna li avviċina lil Camilleri kien Apap. Għalhekk l-imputat ġie mitkellem mis-Surġent li ħa r-rapport fejn l-istess allega li kien Camilleri li mar fuqu u beda joffendih u pprova jattakkah tant li għamillu xi ġrieħi.
Il-Qorti qalet li fir-rigward ta’ min kienu se jinħarġu l-akkużi ma ġiex speċifikat, u ċioè jekk hux fil-konfront tat-tnejn li huma jew biss fil-konfront ta’ xi ħadd minnhom. Mill-esperjenza li għandha din il-Qorti, f’ċirkostanzi normali, fejn għandek żewġ verżjonijiet kunfliġġenti, jinħarġu akkużi kontra ż-żewġ partijiet u mbagħad tkun il-Qorti, wara li tisma’ l-provi kollha bil-ġurament, li tara min għandu jinstab ħati jew mod ieħor.
Il-Qorti tenniet li għal ħames snin dan il-proċess baqa’ differit ‘sine die’, sakemm wasal quddiem din il-Qorti li appuntatu għas-smigħ għas-seduta tat-2 ta’ Frar 2018. Il-Prosekuzzjoni pproduċiet bħala xhieda lill-Uffiċjal Investigattiv u lil ċertu Maria
Louisa Fenech. Madankollu permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Novembru 2020 il-Qorti sfilzat ix-xhieda ta’ Maria Louisa Fenech peress li din ma ġietx imressqa mill-Prosekuzzjoni għall-kontro-eżami, nonostante li ġiet hekk mitluba mid-difiża.
Ġie nnutat ukoll kif il-każ ilu pendenti għal 14-il sena u quddiem Maġistrat ieħor li ddeferiet il-kawża mingħajr ma kienet ingħatat data minħabba li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova ħlief il-provi li kienu tressqu fil-bidu tal-proċeduri. Il-Maġistrat Charmaine Galea qalet li f’każi bħal dawn normalment jitressqu ż-żewġ persuni involuti peress li jkun hemm żewġ verżjonijiet.
//= $special ?>