Lokali Parlament

Mill-provi jirriżulta li Rosianne Cutajar ħadet il-flus mis-senserija

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler ddikjara li mill-provi mressqa fl-investigazzjoni dwar id-deputat Laburista Rosianne Cutajar jirriżulta fil-probabbilta li d-deputat Laburista ħadet flus mis-senserija ta’ bejgħ ta’ dar fl-Imdina bl-involviment ta’ Yorgen Fenech.

Quddiem il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika llum xehed il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler f’seduta li skrutinat ir-rapport tal-Kummissarju Hyzler dwar l-involviment u s-senserija li kien stabbilit li ħadet Rosianne Cutajar minn dan il-bejgħ.

Għall-Oppożizzjoni, fil-Kumitat, ipparteċipaw id-deputati Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia waqt li l-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedinfield irrappreżentaw lill-Gvern.

Fix-xhieda tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler qal li hu ma tkellimx ma’ kull min hu involut fil-każ iżda bagħat għal kien jaħseb li jista’ jikkontribwixxi.

Hu qal li ma kienx tkellem ma’ Yorgen Fenech għax jaħseb li dan seta’ biss jikkonferma dak li diġà hemm. Hu qal li hu jkun stabilixxa dak li jkun l-iżjed probabbli u mhux b’ċertezza assoluta. Mill-provi diretti jirriżulta li Camilleri ta flus lil Rosianne Cutajar.

Jirriżulta li Cutajar kienet introdotta mill-ewwel lil Camilleri bħala sensara, sostna l-Kummissarju Hyzler, li kompla li dan sar bl-operat ta’ Farrugia. Hu qal li Camilleri ma vvintax ir-rwol ta’ Cutajar għax l-azzjonijiet tagħha jwasslu biex wieħed jifhem li l-funzjoni tagħha kienet dik. Kienet hi li sabet il-kompratur, li kkomunikat meigħu. Marru fuq il-post, iddiskutew il-post, Cutajar kienet iċċempel għall-konvenju u fil-fatt sar il-konvenju.

Il-Kummissarju Hyzler qal li l-4% senserija kienu miżjuda b’€9,000 rigal lil Cutajar u sostna li l-ammonti telgħu minn 1.5% għal 4%. F’kull laqgħa bejn Farrugia u Camilleri, Rosianne Cuatajr dejjem attendiet u ipparteċipat fil-laqgħa tal-Imdina. Dan kollu juri, flimkien max-xhieda, juru li Rosianne Cutajar kienet sensar.

Mic-chats jirriżulta li Yorgen Fenech kien mingħalih li kien qed iħallas lil Farrugia u ma kienx jaf jekk dawn qasmux il-flus. Fiċ-chats ma’ Yorgen Fenech, Cutajar qaltlu li ma riedet xejn mingħandu għalkemm kienet qed turi li xtaqet tieħu xi ħaġa.

Hu qal li kien hemm iċ-chat ta’ Cutajar li tawha l-Pulizija u chats li tat hi minn jedda; probabbli kien hemm oħrajn. Rosianne Cutajar ipprovat tuża’ ċ-chats biex tgħid li ma ħaditx senserija, sostna l-Kummissarju, li qal li ħadd mix-xhieda ma talab li jtella’ xhieda oħra.

Il-miżien jgħeleb lejn in-naħa li Cutajar ħadet is-senserija, sostna l-Kummissarju Hyzler, li kompla li hemm xhieda ġuramentata li tgħid li Cutajar ingħatat €46,000 f’ristorant f’Marsamxett b’dekrizzjoni tal-baskett li kienu fihom. Kien hemm ukoll ċirkostanzi oħrajn fosthom ir-rwol tagħha u l-fatt li Farrugia ripetutament isemmieha. Hu qal li fil-konvenju Farrugia baqa’ jirriferi għaliha. “Dan ma kienx każ faċli għalija u żammni mqajjem bil-lejl; inkwetani”, sostna l-Kummissarju Hyzler li qal li Farrugia u Rosianne Cutajar baqgħu ħbieb minkejja li kien żeffniha fin-nofs ‘għalxejn’.

Il-Kummissarju Hyzler qal li Cutajar ma kienet qed tagħmel xejn ħażin ħlief li l-ammont tas-senserija ma kienx dikjarat.

Il-laqgħa kienet sospiża għal għada.