Lokali Parlament

Problemi ambjentali f’Ħal Qormi, l-Imġarr, Ħal Farruġ u Ħal Luqa

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li hemm diversi problemi ambjentali f’Ħal Qormi, l-Imġarr, Ħal Farruġ u Ħal Luqa.

Fl-Aġġornament tal-parlament Clyde Puli qal li fl-Imġarr qed isir xogħol ta’ toroq iżda jidher li m’hemmx pjan; dan qed joħloq inkonvinjenti għar-residenti. Jidher li hemm xi applikazzjoni għal proġett kbir ta’ panelli iżda dwaru m’hemmx l-informazzjoni meħtieġa fosthom dwar l-effetti fuq il-karattru tal-lokal u fuq ir-residenti. Hu qal li fil-widien ta’ Ħal Qormi hemm telqa u ħmieġ għax m’hemmx l-infurzar meħtieġ.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ftit ilu intrebħet kawża importanti għal żvilupp f’Ħal Qormi li kien se jeffettwa lill-lokal inkluż lir-residenti ta’ Ħal Farruġ u ta’ Ħal Luqa; minkejja dan din l-applikazzjoni se terġa’ titressaq quddiem il-MEPA.

F’Ħal Farrug hemm telqa kbira minkejja l-wiegħdi li saru, sostna Clyde Puli, li kompla li minflok ir-raba’ qed ikun konservat, qed ikun hemm pjani li jitwessgħu iktar toroq. Hu semma’ wkoll il-kwistjoni tal-flyover fl-Imrieħel u qal li l-pjan għal dan il-proġett għadu hemm minkejja l-oġġezzjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Ħal Qormi hemm numru ta’ propjetajiet li l-Gvern Laburista fit-tmeninijiet kien ħadhom biex ingħataw lil persuni oħra bla ma saru l-kuntratti fil-Home Ownership Scheme. Gvern Nazzjonalista kien qed jinvesti €1 miljun kull sena biex isolvi din l-inġustzzja; ħallas b’kollox €8 miljuni lil dawn il-persuni li l-Gvern Laburista ħadilhom l-art.

Hu qal li għad hemm persuni f’Ħal Qormi li għadhom qed jiffaċċjaw din il-problema; f’Ta Farsina hemm 114-il persuna li għad iridu jitħallsu tal-propjetà li ttieħditilhom mill-Gvern Laburista. Ikun ġust ukoll li anki mal-persuni li bnew issir ġustizzja għall-bini tagħhom.

Hu tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u appella biex fis-sajf isir pjan serji fuq il-COVID fosthom dwar ir-riżultat li kienu qed jiksbu l-istudenti inkluż it-tfal li qed jintilfu billi jitilqu kmieni mill-iskejjel.