Lokali Qorti

Stennija għall-ġuri taż-żewġ akkużati l-oħra mixlija bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Tnejn mill-erba’ akkużati mixlija bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu tas-sena l-oħra li kienu ddeċidew li l-każ tagħhom imur ġuri u għalhekk il-każ tagħhom ma jiġix iġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati qed jistennew jekk l-Avukat Ġenerali jew iż-żewġ Periti li nhar il-Ħamis instabu ħatja ta’ qtil involontarju humiex se jappellaw mis-sentenza jew le.

Jekk xi parti tappella allura l-ġuri jiġi appuntat wara li jintemm il-każ. Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ l-inċident kienu nfurmaw lill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud li kienu qed iressqu oġġezzjoni skont il-liġi biex il-każ tagħhom jiġi deċiż minn ġurija fil-Qorti Kriminali.

Skont il-liġi l-ġuri ried jiġi appuntat meta jintemm il-każ fil-konfront taż-żewġ Periti, Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira, iżda jekk isir appell hemm proċess ieħor. Il-Periti nstabu ħatja u ngħataw multa ta’ €18,000 bejniethom u sigħat twal ta’ xogħol fil-kommunità.

Bħal l-akkużi ta’ Camilleri u Mangion, Dimech u Spiteri qegħdin jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, għall-ħabta tas-2.20 p.m. fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace li kellha 54 sena.

Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjeta tal-istess vittma u ta’ żewġha Carmel kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u tal-kumpanija Edu Centre Limited.

Dimech qed jiġi mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza f’dokument maħsub għal awtorità pubblika. Huma qed iwieġbu mhux ħatja ta’ dawn l-akkużi miġjubin kontrihom. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea li investigaw il-każ.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Nicholas Spiteri filwaqt li għal Ludwig Dimech qed jidhru l-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto u Franco Galea. Roderick Camilleri, il-Perit tal-proġett u Anthony Mangion, l-uffiċjal tekniku tas-sit, instabu ħatja li kkawżaw il-qtil ta’ Miriam Pace permezz ta’ negliġenza, u li għamlu l-ħsara lill-binjiet tal-madwar. Camilleri nstab ħati wkoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet.

Il-Qorti ordnat lil Camilleri jagħmel 480 siegħa ta’ xogħol tal-komunità u multa ta’ €10,000. Mangion irid jagħmel 400 siegħa ta’ xogħol fil-komunità u ġie mmultat €8,000. Meta kien qed jaqra d-digriet, il-Maġistrat Mifsud qal, “L-ebda 30 biċċa tal-fidda m’huma se jġibu lura lil Miriam Pace, u dan ma jistax jintesa.

Il-propjetà tista’ tinbena mill-ġdid imma l-ħajja ma tinġiebx lura.” Iddeċieda, iżda, li sentenza ta’ ħabs ma tkunx xierqa f’dan il-każ. Għall-Perit Camilleri deheru l-Avukat Arthur Azzopardi u l-Perit Mangion iddeffendih l-Avukat Alfred Abela. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello deheru għall-familja Pace.