Internazzjonali

Covid-19: Il-ħaddiema tas-saħħa fi Franza jridu jieħdu t-tilqima bilfors sa Settembru

A nurse of the Les Flaxinelles EHPAD (Housing Establishment for Dependant Elderly People) in Bergheim, eastern France, has a blood sample taken for a COVID-19 serological test on April 14, 2020, on the 29th day of a strict confinement in France aimed at curbing the COVID-19 disease caused by the novel coronavirus. (Photo by SEBASTIEN BOZON / AFP) (Photo by SEBASTIEN BOZON/AFP via Getty Images)

Il-Gvern fi Franza ħabbar li l-ħaddiema kollha mas-servizzi għall-kura tas-saħħa fil-pajjiż iridu jingħataw it-tilqima sħiħa kontra l-Covid-19 sal-15 ta’ Settembru li ġej — inkella jissugraw li ma jitħallsux is-salarji.

Id-direttiva konkreta tapplika b’mod partikulari lit-tobba, l-infermiera, il-voluntiera mas-servizzi tas-saħħa u anki l-ħaddiema fl-uffiċini tal-isptarijiet u l-kliniċi madwar il-pajjiż.

Il-pass qed jittieħed għas-sigurtà tal-persuni vulnerabbli li jiġu f’kuntatt ma’ dawn il-ħaddiema u jridu jirrispettaw id-direttiva anki  l-ħaddiema fid-djar għall-anzjani, irrispettivament mir-rwol tagħhom

Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid f’pajjiżu, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li, mix-xahar id-dieħel, in-nies ikunu jeħtieġu d-dokumenti – jew health passes – biex jidħlu f’numru ta’ stabbilimenti li jinkludu l-ħwienet, il-bars, il-kumplessi taċ-ċinema u t-teatri.

L-istess passes se jkunu wkoll meħtieġa għall-passiġġieri fi Franza li jkunu jridu jivvjaġġaw fit-tul bil-ferrovija – u meta d-dokumenti juru jekk il-persuna partikulari tkunx ħadet it-tilqima sħiħa kontra l-virus inkella jekk għamlitx test li rriżulta fin-negattiv.

Il-President Macron – permezz ta’ diskors fuq it-televiżjoni – appella għas-sens ta’ responsabbiltà tal-Franċiżi u qal li hu konvint li l-poplu jinsab lest biex jikkoopera fl-interessi tas-sigurtà u l-ħarsien tas-saħħa.

L-awtoritajiet Franċiżi qed jaħsbu biex jinkoraġġixxu lin-nies biex jieħdu t-tilqima – u meta ‘il quddiem, wieħed se jkollu jħallas għat-testijiet PCR tal-Covid li għalissa qed jingħataw b’xejn – ħlief f’sitwazzjonijiet fejn hu jippreżenta ċertifikat tat-tabib.

U wara d-diskors tal-President Macron, il-websajt li jużaw il-Franċiżi biex jibbukkjaw it-tilqima ‘kraxxja’ minħabba d-domanda enormi tan-nies li kienu qed jippruvaw jikkonfermaw l-appuntamenti tagħhom.

Ikkummenta