Lokali

F’laqgħa mal-Viċi Ministru Ċiniż, Bernard Grech jisħaq dwar l-importanza ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu kellu laqgħa virtwali mal-Viċi Ministru Internazzjonali Ċiniż Guo Yezhou.

Tul il-laqgħa, kienu diskussi punti importanti dwar kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu ikomplu jitjiebu.

Il-Viċi Ministru Ċiniż iddeskriva lill-Partit Nazzjonalista bħala forza politika kruċjali f’Malta b’esperjenza vasta fil-governanza u li ta kontribut enormi għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Yezhou faħħar il-viżjoni Ewropea li kellu il-PN għal snin twal u li wasslet biex dan irnexxielu jdaħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Guo Yezhou elenka fatturi li jistgħu ikomplu jsaħħu r-rabta bejn iż-żewġ pajjiżi. Hu semma djalogu aktar profond li jwassal għal ftehim aktar wiesa’ taż-żewġ partijiet kif ukoll skambji ta’ mexxejja żgħazagħ bejn Malta u ċ-Ċina sabiex ikunu żgurati relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi anke fil-futur

Minn naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li hu dejjem emmen bis-sħiħ li relazzjonijiet tajba bejn żewġ pajjiżi huma wkoll il-bażi ta’ tisħiħ fl-ekonomiji tagħhom u faħħar il-mod kif iċ-Ċina dejjem tat importanza kbira lejn ir-relazzjoni ma’ Malta.

Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem sabiex bit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina, jikbru wkoll l-opportunitajiet għaż-żewġ nazzjonijiet.

Preżenti għal din il-laqgħa virtwali kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Roslyn Borg Knight.