Żewġ irġiel Somali ngħataw sentenza ta’ priġunerija, wieħed b’rabta ma’ każ ta’ serq u l-ieħor fuq vagabondaġġ. Abdiwali Ahmed Ali u ta’ 25 sena u Abdi Ahmed Ibrahim ta’ 29 sena kienu mixlija li fit-8 ta’ Frar tas-sena l-oħra serqu mobile, arloġġ tal-idejn u flus li jammontaw għal iktar minn €3,000, li ferew ħafif lill-vittma li mingħandu serqu l-oġġetti, u li għexu ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.
Ahmed Ali waħdu kien qed jiġi akkużat wkoll li sar riċediv u li wettaq reat waqt il-perjodu ta’ sentenza sospiża b’rabta ma’ każ ieħor. Il-vittma xehed fil-Qorti sfejn qal li kif kien miexi lejn id-dar f’Paceville għall-ħabta tal-5.00am. marru fuqu tliet irġiel u bdew ikellmuh bl-Ingliż.
Tenna li ma beda jifhem xejn, u ħareġ il-mobile biex jipprova jittraduċi dak li kienu qed jgħidulu, iżda wieħed minnhom ħataflu l-mobile minn idu. Qal li dawn ma waqfux hemm u bis-sinjali bdew juruh biex jimxi magħhom, u meta waslu ħdejn il-ġnien ta’ fejn il-lukanda Hilton, sfurzawh jidħol.
Kien hawn li talbuh il-flus kienu aggrssivi. Ahmed Ibrahim ħatlu minn għonqu u Ahmed Ali ħadlu l-arloġġ. Wieħed minnhom ħadlu wkoll il-kartiera. Il-vittma kompla jgħid fil-Qorti li t-tielet raġel m’għamel xejn u kien qiegħed biss għassa u jannalizza dak li kien qed jiġri.
Kompla li l-mobile kien iPhone X li jiswa madwar €2,000, l-arloġġ tad-ditta Graham kien jiswa mill-anqas €4,000, waqt li fil-kartiera kellu €185. Il-Maġistrat Gabriella Vella, li semgħet il-każ innutat li l-vittma kien ċert mill-bidu fuq is-sehem ta’ Ahmed Ali fis-serqa, iżda deher konfuż u mhux ċert fuq l-involviment ta’ Ahmed Ibrahim meta ġie mitlub biex jidentifikah,u għalhekk ma kienx hemm biżżejjed provi kontrih ta’ mingħajr dubju kif tgħid il-liġi.
Il-Qorti sadanittant ma emmnitx il-verżjoni ta’ Ahmed Ali li meta seħħ il-każ dan kien qiegħed fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far fuq il-mediċini, għaliex rappreżentant tal-AWAS qal li dan kien telaq miċ-ċentru xahar qabel. Dwar l-aggressjoni, il-Qorti qalet li ma nġiebu l-ebda provi ta’ xi ġrieħi li sofra l-vittma waqt is-serqa.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li Ahmed Ali waħdu huwa ħati ta’ serq iżda mhux ta’ aggressjoni, waqt li t-tnejn li huma nstabu ħatja li għexu ħajja ta’ vagabondaġġ. Ahmed Ali kien ikkundannat 18-il xahar ħabs filwaqt li Ahmed Ibrahim ġie kundannat xahar ħabs.
//= $special ?>