Lokali Parlament

Il-Gvern ma jridx li jixhed Charles Farrugia – l-Ispeaker jabbanduna l-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards

L-Ispeaker jivvota favur li ssir iktar investigazzjoni; l-Oppożizzjoni lesta tibda tisma’ x-xhieda b’mod immedjat

Fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Gvern ma qabilx li tittieħed deċiżjoni dwar il-ksur ta’ etika mid-deputat Laburista Rosianne Cutajar fil-każ ta’ senserija ta’ propjetà bl-involviment ta’ Yorgen Fenech għax issa jrid li l-investigazzjonijiet jitkomplew mill-Kummissarju għall-Istandards mad-Dipartimenti tat-Taxxi.

Fis-seduta tal-lum l-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju George Hyzler li kompla jixhed quddiem il-kumitat parlamentari. Il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Edward Zammt Lewis u l-Whip Glenn Bedingfield waqt li d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comdini Cachia rrappreżentaw lil-Oppożizzjoni.

Il-Kummissarju Hyzler xehed li meta saru ċ-chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar ħadd ma ħaseb li l-każ se jispiċċa investigat iżda dawn iċ-chats li hu ra juru li s-sensar li suppost ħa s-senserija kollha qal lil Yorgen Fenech li lil Rosianne Cutajar kien se jtieha xi ħaġa u li ank jekk jtieha xi ħaġa “għax dik tapprezzaha”.

Rosianne Cutajar wieġbet li kienet qed tistħi f’din is-sitwazzjoni li Yorgen Fenech kien se jtieha xi ħaġa, ħasbet li kien se jtieha xi arloġġ u kkummentat “iżda bix-xewqa se nibqa’”. Fenech irrisponda li kien jistenna li “toħodhom int”.

Il-Kummissarju Hyzler qal li Charles Farrugia ‘It-Tikka’ u Cutajar ikkonvinċewh li jħallas 1% senserija u sostna li hu aċċetta li jħallasha għax ħaseb li toħodhom Cutajar. Id-deputat Laburista qalet li tajjeb kieku tieħu l-fus għax “kellha bżonnhom”. Yorgen Fenech qal lil Cutajar li għall-inqas hi kellha tieħu l-ħlas tiegħu.

Dwar l-affidavit li tqatta’, il-Kummissarju George Hyzler qal li l-Avukat Lofaro kien tkellem mad-deputat Laburista n-Nutar Ian Castaldi Paris biex jintervjeni l-Prim Ministru u jkellem lil Rosianne Cutajar.

Il-Kummissarju Hyzler qal li Castaldi Paris talab lil Camilleri biex jagħmel affidavit li fih għamel diversi allegazzjonijiet li kien diġà għamel qabel. Camilleri kien konsistenti, sostna l-Kummissarju Hyzler, li qal li l-Avukat Lofaro kien rrabbja li sar l-affidavit. Camilleri ippanikkja u qal li qatta’ dan l-affidavit.

Ian Castaldi Paris kien evażiv ħafna meta kien konfrontat mill-Kummissarju Hyzler iżda ma ċaħadx li sar affidavit għalkemm sostna li għandu s-sigriet professjonali u ma setax jitkellem. Jirriżulta li Camilleri ma marx għand Castaldi Paris bħala nutar iżda bħala ħabib u kien lest jillibera lil Castaldi Paris mill-ġurament professjonali. Minkejja dan Castaldi Paris xorta ma riedx jixhed.

Il-Kummissarju Hyzler qal li missier Rosianne Cutajar u x-xufier tagħha ċaħdu li hi kienet marret f’ristorant f’Marsamxett u spjega li l-kwistjoni tal-flus saret fl-aħħar tal-investigazzjoni tiegħu. Hu qal li l-kwistjoni tal-flus ma kienx ta ħafna piż għax kienet kontradetta

Il-Kummissarju qal li Charles Farrugia kien dejjem jitkellem fil-plural u kompla li Cutajar kienet tkun preżenti fid-diskussjonijiet dwar l-bejgħ. Jirriżulta li permezz ta’ ittra legali Camilleri talab ir-rifużjoni tal-flus. Hu qal li ma kienx ikkonkluda l-każ fuq prova waħda iżda fuq diversi provi fejhn iċ-ċirkostanzi kollha jwasslu għal direzzjoni waħda. Dwar l-€4,000, il-Kummissarju qal li meta kien se jiskadi l-konvenju mas-sid Ċiniż tad-dar fl-Imdina saru l-kuntatti biex isir self biex dan ikun estiż. Il-bejgħ li kien se jsir ma’ Yorgen Fenech tnaqqas b’€100,000. Camilleri kien tħallas senserija bil-quddiem u kien għalhekk ħallas €4,000 senserija lura.

Hu talab lil Farruga jirrifondiehom u tah €2,000 lura li ġabhom mill-bank waqt li qallu li kien se jġiblu l-flus ta’ Rosianne Cutajar. L-għada kien urieh ċekk ta’ €2,000 iżda Rosianne Cutajar qaltlu biex ma jtiehomlux issa iżda l-għada kien se jġibhomlu flus kontanti. Dan jindika li l-flus ma kienux tiegħu.

Dwar iċ-ċekk, il-Kummissarju qal li Rosianne Cutajar qalet li qatt ma ħarġet ċekk iżda l-istatment juri li hemm ċekk li juri li ma ssarrafx. Ma kienx hemm spjegazzjoni dwar dan iċ-ċekk li ma ssarrafx.

Il-Kummissarju qal li Farrugia ma kellux skop iżeffen lil Cutajar fin-nofs bil-konsegwenzi kollha u dan ma seħħx dakinhar iżda sa mill-ewwel; anki meta s-senserija għoliet minn 1% sa 3%. Hu qal li mir-riċerki jirriżulta li Cutajar veru xtart dar iżda ma tħallsux minn dawn il-flus.

Il-Kummissarju Hyzler qal li r-rapport li jagħmel hu fuq il-grad ta’ nuqqas prima facie, skont kif tispeċifika l-liġi. Il-liġi timponi li l-Kummissarju ma jasalx sal-grad taċ-ċertezza morali.

Waqt il-konvenju fl-uffiċċju ta’ Yorgen Fenech, Fenech għamel sinjal lil Camilleri biex imorru f’kamra oħra u tah €310,000. Camilleri ipprova juża r-rimedji barra l-qorti biex jieħu flusu lura iżda meta ma wasalx hu mar għand avukat u bagħat ittra uffiċjali b’sinjal li kien se jagħmel kawża u jinterrompi l-preskrizzjoni.

Il-Kummissarju Hyzler qal li Camilleri sostna li kienet Rosianne Cutajar li ħajret lil Yorgen Fenech biex jixtrieha’ liema informazzjoni kienet konfermata wkoll minn Cutajar. Rosianne Cutajar ikkonfermat ukoll li kienet fir-ristorant f’Marsamxett u li kienet irċeviet €31,000 u €9,000 mingħand Yorgen Fenech. L-uniċi chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar li għandu l-Kummissarju huma biss fuq jumejn. Kienet Rosianne Cutajar li għażlet liema messaġġi tagħti lill-Kummissarju u ma jirriżultax li Rosianne Cutajar għamlet talba lill-qorti biex il-Kummissarju Hyzler jkollu ċ-chats kollha.

Dwar id-dikjarazzjoni riċenti ta’ Farrugia li fiha ammetta li kien rċieva senserija u li kien se jmur għand il-Kummissarju tat-Taxxa, il-Kummissarju Hyzler qal li Farrugia mhux qed isostni li dik kienet senserija iżda rigal. Dan ma jagħmilx differenza jekk Rosianne Cutajar ħaditx parti minn dik is-senserija jew rigali ieħor.

Jirriżulta li Yorgen Fenech kien iltaqa’ ma’ Rosianne Cutajar biex għaddielha l-flus tas-senserija flimkien mad-€9,000 għaliha. Dawn ma kienux intenzjonati għall-birthday kif allegat Cutajar, sostna l-Kummissarju, li kompla li hu kien ippreżenta abbozz ta’ kodiċi ta’ etika dwar ir-rigali.

Meta l-kumitat għamel it-trattazzjoni tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis talab li jixhed uffiċjal tat-Dipartiment tat-Taxxa bid-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ssostni li l-iskop tal-Kumitat hu jekk id-deputat Rosianne Cutajar kisritx il-Kodiċi ta’ Etika meta ppermettiet lilha nnfisha li tidħol f’dan in-negozju u kienet il-messaġġier tal-flus bejn persuni. Hi qalet li l-Oppożizzjoni ressqu mozzjoni biex dan ir-rapport ikun addottat.

L-Ispeaker qal li d-deċiżjoni ma tistax tittieħed f’din is-seduta għaliex ried jara t-traskrizzjoni tax-xhieda.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-kwistjoni tat-taxxa hi irrilevanti u sostna li m’hemmx diffikultà li ssir investigazzjoni iżda dan wara li l-Kumitat jaddotta r-rapport.

L-Ispeaker qal li l-Kumitat irid ikun konvint iktar mill-prima facie u kompla li jkun komdu li jkollu t-traskrizzjoni tax-xhieda. Hu qal li l-kumitat għandu jkun konfortat bi provi sal-grad ta’ probabbiltà u mhux biss prima facie.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li ma kienx se jivvota fuq il-mozzjoni biex ir-rapport ikun addottat għaliex irid li jsiru iktar investigazzjonijiet mill-Kummissarju tal-Istandards. Therese Comodini Cachia qalet li hu evidenti l l-Gvern qed itawwal għaliex il-Kummissarju George Hyzler diġà qal li kien wettaq l-investigazzjonijiet.

Hi sostniet li Charles Farrugia qed ikun imġiegħel jagħmel dik id-dikjarazzjoni issa u mhux erba’ xhur ilu. Karol Aquilina qal li l-Kummissarju diġà ddikjara li Rosianne Cutajar ma ddikjaratx is-senserija u sostna li jista’ jkun li Farrugia jrid isalva lil Cutajar waqt li hi tibbenefika wkoll minn tnaqqis tat-taxxa.

Meta tressqet għall-vot it-talba bil-miktub tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ivvota kontra għax riedu iktar informazzjoni. Il-vot kien tnejn voti favur u tnejn kontra bl-Ispeaker jissospendi s-seduta sakemm jagħti deċiżjoni fl-4.30 pm.

Qabel ta d-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker qal li kien irċieva korrispondenza b’dokumentazzjoni ta’ natura sensittiva li ma xtaqhiex toħroġ għall-istampa. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li Charels Farrugia bagħat l-istatement tat-taxxa tiegħu emendata; issa propju ara li saret is-seduta. Din hi prova li Charels Farrugia tqabbad minn Rosianne Cutajar biex jixhed il-falz, sostniet id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.

Id-deputati Nazzjonalista sostnew li l-Ispeaker kellu jgħaddi għall-vot tiegħu. L-Ispeaker qal li ma jistax jivvota favur it-talba tal-Oppożizzjoni għaliex din hi tempestiva għaliex ma tħossx li hemm prova ta’ probabbiltà fil-provi kif imressqa quddiem il-Kummissarju għall-Istandards. L-Ispeaker qal li jrid jagħti lok għal iktar diskussjoni u investigazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li la se ssir investigazzjoni allura kellhom isiru numru ta’ laqgħat għax hemm numru ta’ xhieda. “Iċċekkja l-mobile tiegħek” irrimarka Karol Aquilina lill-Ministru Edward Zammit Lewis. Karol Aquilina qal li l-ewwel xhud ikun Charles Farrugia; “nibdew għada”.

Is-seduta kienet sospiża għal ftit ħin sakemm id-deċiżjoni tal-Ispeaker tkun komunikata lill-membri.

L-Ispeaker qal li qed jirrakkomanda li d-dokumentazzjoni issa trid tintbagħat lill-Kummissarju tat-Taxxa Interna fejn se jingħata żmien biex jirrapporta quddiem il-Kumitat.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ppropona li l-Kumitat jibgħat id-dokumentazzjoni u b’mod immedjat il-Kumitat jibda l-investigazzjoni tiegħu. Issa qed jirriżulta li d-dikjarazzjoni tat-taxxa ta’ Rosianne Cutajar hi falza doppjament, sostna d-deputat Nazzjonalista, li ppropona li għada stess jinġieb il-Kummissarju tat-Taxxa u Charles Farrugia.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-Gvern mhux jaqbel ma’ din il-proposta u jaqbel mal-pożizzjoni tal-Ispeaker.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li hu irrilevanti x’isir mill-Kummissarju tat-Taxxa u nsistiet li l-Kumitat jibqa’ jisma’ l-provi. “Irridu nibqgħu nisimgħu x-xhieda; għaliex id-deputati Laburisti qed isibu diffikultà li jinstemgħu x-xhieda?”, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis, appoġġjat minn Glenn Bedingfiled, insista li ma jistax jiltaqa’ għada u ppropona t-Tnejn iżda jixhed biss mal-Kummissarju tat-Taxxa. Id-deputati Laburisti ma qablux li jixhed Charles Farrugia.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ppropona li l-laqgħa issir għada l-Erbgħa.

L-Ispeaker qal li ma jridx itawwal u ppropona laqgħa nhar it-Tnejn li ġej fl- 4 pm. Id-deputati tal-Gvern baqgħu joġġezzjonaw li jixhed Charles Farrugia ‘It-Tikka’. Karol Aquilina ressaq talba uffiċjali biex jittieħed vot biex nhar it-Tnejn jixhdu l-Kummissarju tat-Taxxa u Charles Farrugia.

L-Ispeaker qal li nhar it-Tnejn żgur jixhed il-Kummissarju tat-Taxxa u wara tittieħed deċiżjoni dwar xhieda oħra. L-Ispeaker qal li kellu xogħol tal-Kamra u ma kienx se jieħu vot fuq din il-kwistjoni; “ftiehmu bejnietkom”. Hawn l-Ispeaker qal li se jissospendi s-seduta bl-Oppożizzjoni toġġezzjona għal dan u qam biex jitlaq mil-laqgħa. Karol Aquilina nsista li l-Ispeaker ma jistax jieħu dan l-atteġġjament u sostna li l-Gvern qed iżaħħad lill-Oppożizzjoni milli tressaq ix-xhieda tagħha.

Karol Aquilina nsista li jinstemgħu iktar xhieda wara l-Kummissarju tat-Taxxa. F’dan l-istadju l-Ispeaker qam minn postu u ssospenda s-seduta b’Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia joġġezzjonaw għal dan.

Il-laqgħa tinsab sospiża iżda ma tkomplietx

Fil-Parlament Karol Aquilina għamel intervent dwar dak li seħħ u qal li l-Ispekear qabad u abbanduna l-laqgħa wara li ripetutament hu talab li jittieħed vot. “L-Ispeaker abdika mir-responsabbiltà tiegħu; dan mhux aċċettabbli”, sostna Karol Aquilina. Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li b’diżapprovazzjoni għal dak li ġara l-Oppożizzjoni qed issejjaħ kworum. Il-Parlament kien sospiż għax ma kienx hemm kworum. L-Ispeaker irritorna fil-Kamra fis-7.15 pm wara laqgħa li kellu mal-whips tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni. Il-parlament kien aġġornat għal għada.