Internazzjonali

Iraq: Il-mejtin fin-nirien tal-isptar issa jaqbżu d-disgħin…u kapaċi jiżdiedu

‘Il fuq minn 90 persuna tilfu ħajjithom fost nirien li ħakmu sala riservata għall-pazjenti morda bil-coronavirus u li kienu qed jinżammu fi stat ta’ iżolament. Dan meta l-ammont tal-vittmi kapaċi jiżdied aktar ma jgħaddi l-ħin.

It-traġedja seħħet fil-belt ta’ Nasiriya u wara, folol ta’ nies irrabjati marru jipprotestaw fl-inħawi, b’uħud minnhom jiġġieldu mal-pulizija. Kien hemm ukoll il-każi fejn id-dimostranti taw in-nar lill-vetturi tal-pulizija li marru fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Ħafna mis-settur għall-kura tas-saħħa fl-Iraq tinsab f’sitwazzjoni fqira u fraġli meta l-pajjiż ilu suġġett għal snin konsekuttivi ta’ konflitt.

Id-dimostranti li marru jipprotestaw barra l-isptar ta’ al-Hussein (f’Nasiriya) kienu jinkludu qraba tal-pazjenti li mietu maħruqin  u li insistew għal  spjegazzjoni mingħand l-awtoritajiet.

Il-kaġun tan-nirien qattiela fl-isptar mhux magħruf,  iżda mhux eskluż li l-fjammi li qerdu s-sezzjoni partikulari tal-isptar kienu dovuti għall-isplużjoni ta’ tank tal-ossiġinu.

L-investigazzjonijiet relatati mat-traġedja bdew diġà u l-Prim Ministru Iraqi, Mustafa al-Kadhimi, ordna biex il-kap tal-isptar ta’ Nassriya jinżamm taħt arrest.

L-aħħar ċifri tal-vittmi provduti mill-istampa, intant, kkonfermaw talanqas 100 midruba.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Parlament Iraqi, Mohammed al-Halbousi, sostna li n-nirien fl-isptar kienu ‘provi ċari li l-awtoritajiet fallew fid-dmir li jsalvaw il-ħajja’.

Is-sezzjoni tal-isptar għall-pazjenti bil-coronavirus kienet inbniet tliet xhur ilu biss  u l-fjammi ħakmu l-istess sezzjoni  fi kwistjoni ta’ minuti.

Il-pandemija tal-coronavirus sadanittant imponiet piż enormi għas-servizzi tas-saħħa tal-Iraq li diġà kienu qed iġorru l-impatt tal-gwerer u snin ta’ abbandun.

Dan meta l-Iraq – fejn jgħixu madwar 40 miljuni —  irreġistra mal-1.4 miljun infezzjoni mill-Covid-19 u ‘il fuq minn 17,000 mewta mill-virus.