Internazzjonali

IRAQ: Tal-anqas 50 mejta f’nirien f’sala tal-Covid

Fil-Belt ta’ Nasiriya fl-Iraq, aktar minn 50 persuna tilfu ħajjithom f’nirien f’sala tal-Coronavirus.

Għadu mhux ċar x’wassal għan-nirien, għalkemm rapporti mhux ikkonfermati qed jindikaw li setgħu kienu konsegwenza ta’ tank tal-ossiġnu li sploda ftit qabel.

Is-sistema tas-servizzi tas-saħħa fl-Iraq tinsab fi stat ħażin ħafna wara snin ta’ kunflitt.

Wara l-inċident mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom qraba tal-vittmi, inġabru barra l-Isptar al Hussein jipprotestaw għall-mod kif mietu l-għeżież tagħhom.

Il-Prim Ministru Iraqqin Mustafa al-Kadhimi ordna l-arrest tal-kap tal-isptar filwaqt li l-ispeaker tal-Parlament Iraqi Mohammed al-Halbousi fi tweet kiteb li dan l-inċident hu prova ċara tal-falliment sabiex ikunu mħarsa l-ħajjiet Iraqqini u saħaq li wasal iż-żmien li jiġi fi tmiemu dan il-falliment katastrofiku.

Is-sala li fih infirxu n-nirien inbniet biss tliet xhur ilu u hu maħsub li fiha kien hemm tal-anqas 63 persuni meta beda n-nar.

Dan hu t-tieni inċident simili fi żmien ftit xhur wara li f’April splużjoni ta’ tank tal-ossiġnu qabbad nar li qatel 82 persuna fil-kapitali Baghdad.

Tags