Internazzjonali

Kuba: Għexieren ta’ arresti fost rabja għall-Gvern komunista

epa09341226 Cubans residing in Mexico participate in protests outside the Cuban consulate in Mexico City, Mexico, 12 July 2021. Supporters and opponents of the Cuban government led by Miguel DÌaz-Canel clashed during protests at the Cuban embassy in Mexico, where the position of the Mexican president, Andres Manuel Lopez Obrador, also caused division. EPA-EFE/S·shenka GutiÈrrez

 

Il-Gvern komunista ta’ Kuba qed jipprova jikkontrolla l-għadab tal-poplu li hu mxabba’ bis-sitwazzjoni ekonomika prekarja tal-pajjiż u fi żmien meta n-nies qed jiffaċċjaw nuqqas akut tal-ikel u l-mediċina. Dan waqt li l-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali sparaw ‘il fuq, bil-poplu qed jilmenta wkoll dwar kif il-Gvern qed jitratta l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19.

Fl-aħħar sigħat kienu arrestati għexieren ta’ nies wara li eluf issieħbu fl-akbar protesti għal snin kontra l-awtoritajiet komunisti ta’ Kuba. Il-protesti huma sinifikanti għaliex il-kritiċi tal-Gvern Kuban dejjem jiffaċċjaw il-pieni ħorox għal kwalunkwe espressjoni ta’ dissens fil-pajjiż.

Sadanittant, il-President ta’ Kuba, Miguel Díaz-Canel, qed jirrifletti d-disprament tat-tmexxija komunista b’sejħa biex is-sostenituri tal-Gvern’jiġġieldu kontra d-dimostranti li qed joħorġu fit-toroq biex jesprimu r-rabja dwar is-sitwazzjoni.

L-għajta ta’ eluf ta’ Kubani hi li r-reġim komunista ‘mhux iħallihom jgħixu’ fost l-għajjat kontra ‘id-dittatorjat f’Havana’. Id-dimostrazzjonijiet qed isiru madwar Kuba u partikularment fil-belt kapitali tal-gżira Stat fil-Karibew.

Id-dimostranti għamluha ċara li mhumiex qed jibżgħu u li jridu ‘jaqilbu l-paġna’ wara snin twal ta’ dittatorjat. Dan waqt li f’Havana komplew l-arresti tan-nies mill-qawwiet tas-sigurtà li qed ikunu megħjuna mill-pulizija pajżana. Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll il-blackouts għall-Internet madwar Kuba.

Il-President Miguel Díaz-Canel, f’xandira lin-nazzjon, waħħal fl-Istati Uniti għal din il-kriżi waqt li attakka s-sanzjonijiet li l-Amerikani ilhom jimponu fuq pajjiżu mill-1962 bħala ‘politika intiża biex toħnoq lill-poplu ta’ Kuba’.

Díaz-Canel qal ukoll li d-dimostranti li qed jipprotestaw kontra l-Gvern tiegħu huma ‘merċenarji’ imqabbdin mill-Istati Uniti u li jridu jiddistabbilizzaw lil pajjiżu. Intant, hu irrepeta biex is-sostenituri tiegħu ‘joħorġu u jiddefendu r-rivoluzzjoni’, f’referenza għar-rewwixta storika tal-1959 li fetħet il-bieb għal għexieren ta’ snin ta’ amministrazzjoni komunista f’Kuba.