Lokali Qorti

L-A.Ġ. ordnat biex f’erba’ xhur jagħlaq il-provi fil-konfront ta’ Tarcisio Mifsud fuq l-‘iskandlu taż-żejt’

L-Imħallef Francesco Depasquale ordna biex fi żmien erba’ xhur l-Avukat Ġeneral jagħlaq il-provi tiegħu fil-konfront ta’ Taricisio Mifsud, li fi Frar tal-2013 kien tressaq il-Qorti fuq dak li kien imsejjaħ l-iskandlu taż-żejt. L-eks kontrollur finanzjarju tal-Enemalta, Tarcisio Mifsud, qed ikun akkużat b’tixħim b’rabta mal-każ ta’ korruzzjoni tax-xiri taż-żejt.

L-akkuża ta’ Tarcisio Mifsud hi li rċieva kummissjonijiet minn fuq xiri ta’ żejt mingħand il-kumpanija Franċiża ‘Total’, liema reat allegatament seħħew fis-snin ta’ qabel l-2004. Mifsud qed jiġi mixli wkoll lil hedded lil Alfred Mallia li miegħu wkoll kien akkużat fil-każ u lil George Farrugia, li kien ingħata l-proklama.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali qalet li jirriżulta mill-provi, li l-kawża kriminali kontra Tarcisio Mifsud ta’ 73 sena minn Ħaż-Żebbuġ hija waħda serja ħafna. Din ukoll tirrigwarda akkużi li jistgħu jkollhom implikazzjoni serji ħafna, kemm fuq Mifsud stess kif ukoll fuq il-perċezzjoni pubblika żviluppata tul iż-żminijiet dwar l-entita’ u serjeta’ tal-każ hekk imsejjaħ ‘Skandlu taż-Żejt’.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni, għalkemm jidher li bdiet tirranka tajjeb, aktar ma bdew jgħaddu x-xhur u s-snin, aktar bdiet taqa lura f‘dak li wieħed jistenna minnha f’każijiet daqstant sensittivi u delikati “Meta mbagħad ikollok każi, bħal dak li jinvolvi lil Mifsud, fejn l-effett fuq il-persuni akkużati jkun, minn żmien għal żmien, taħt illenti tal-opinjoni pubblika, u f’soċjeta demokratika, bħal ma hija tagħna, l-opinjoni pubblika għandha vuċi qawwija, hemm il-proċess ġudizzjarju għandu jilħaq il-milja tiegħu,” qal l-Imħallef.

“Din il-Qorti tisħaq illi f’ dan il-każ seħħ dewmien inġustifikat mhux raġjonevoli minn naħa tal-Prosekuzzjoni, sal-punt li kien hemm leżjoni tal-jedd ta’ Mifsud għal smigħ xieraq. Il-Qorti ma tistax ma tosservax illi, fuq medda ta’ 27 seduta illi saru fuq perjodu ta’ ftit anqas minn tlett snin qabel ma ħarġu l-Att tal-Akkuża fil-konfront ta’ Mifsud, f’aktar minn nofs tali seduti, jiġifieri 15-il seduta, ma sar assolutament xejn.

“Il-Qorti ma tistax ma tosservax illi, anke wara illi inħarġet l-Att ta’ Akkuża, l-Avukat Ġenerali ma ppermettiex lill-Qorti illi tipproċedi bil-kawża b’ħeffa, kif huwa opportun f’każijiet ta’ tali portata, iżda rabtet idejn il-Qorti tal-Maġistrati, li qabel ma jingħalqu l-provi tal-prosekuzzjoni, kellhom jinstemgħu xhieda ta’ persuni akkużati b’reati konnessi mal-każ ta’ Mifsud, bir-riżultat illi fuq medda ta’ tlett snin, saru 14-il seduta fejn ma ġara assolutament xejn.

“Għalhekk, jidher ċar illi fil-proċeduri kontra Tarcisio Mifsud, fuq medda ta’ sitt snin, saru b’kollox 41 seduta, fejn f’aktar minn żewġ terzi tas-seduti, 29, ma nġiebu l-ebda provi. Tali dewmien ċertament ma jistax jiġi imputat lill-Qorti illi ċertament għamlet l-għalmu tagħha sabiex tagħmel seduti b’mod regolari, iżda huwa nuqqas unikament lill-Prosekuzzjoni kif ukoll lill Avukat Ġenerali illi rabat idejn il-Qorti tal-Maġistrati li kellha ta’ bilfors tisma’ x-xhieda indikati mill-Pulizija”.

Il-Qorti qalet li tali aġir huwa ċar illi qiegħed jilliedi d-dritt ta’ smigħ xieraq ta’ Tarcisio Mifsud illi, fl-eta avvanzata tiegħu, għandu dritt illi l-proċeduri fil-konfront tiegħu jiġu deċiżi fi żmien raġjonevoli. Ingħad ukoll li għandu jiġi rilevat illi diġa miet wieħed mill-erbgħa ‘ko-akkużati’, Alfred Mallia, f’tali perjodu ta’ stennija. “X’qed tistenna il-Prosekuzzjoni, illi jmutu x-xhieda l-oħra kollha, inkluż Tarcisio Mifsud?, ” saħqet il-Qorti, li ordnat li fi żmien erba’ xhur għandhom jingħalqu l-provi.