Lokali

“Malta jaf tieħu aktar żmien milli previst biex toħroġ mill-greylist – Esperti

Għandna triq diffiċli quddiemna – Malta jaf tieħu aktar żmien milli previst sabiex titneħħa minn fuq il-greylist tal-Financial Action Task Force.

Sostnew dan esperti internazzjonali f’dan il-qasam waqt konferenza rigward is-servizzi finanzjarji lokali, fejn ġie spjegat li se jkun ferm diffiċli li l-Awtoritajiet juru verament li sar rinfurzar effettiv fil-qasam tar-reati finanzjarji.

Giuseppe Lombardo, li evalwa diversi pajjiżi fl-aħħar snin għal MoneyVal saħaq li filwaqt li l-Gvern Laburista qed iwassal ċertu tamiet lill-poplu Malti u Għawdxi li pajjiżna se jitneħħa minn fuq il-greylist mal-ewwel okkażjoni, huwa insista li Malta trid turi b’mod ċar u skjett li qed tinżamm id retta fuq l-evażjoni ta’ taxxa u l-istrutturi finanzjarji.

Huwa saħaq li pajjiżna prova jiżgiċċa dan ir-riżultat b’mod politiku u mhux b’lat tekniku filwaqt li insista biex il-pajjiż iwarrab in-narrattiva partiġġjana u jingħaqad għal għan wieħed…għal ġid tal-pajjiż. Madanakollu insista li l-Gvern Malti kellu jieħu l-passi meħtieġa meta l-membri tiegħu kienu bdew jissemmgħu fi skandli internazzjonali.

Dan kollu wara li l-FATF poġġiet lil Malta fuq il-greylist flimkien fost oħrajn mal-Botswana u l-Panama…għax fi kliem sempliċi ma fdatx lil Gvern li kien se jimplimenta dak li wiegħed fuq il-karta.

Alfred Camilleri, li jmexxi ċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni  saħaq li pajjiżna falla dan it-test għax fl-aħħar snin ma laħaqx l-aspettazzjonijiet u l-istandards internazzjonali. Huwa insista li hemm bżonn ta’ riżultati illum qabel għada.

Biex pajjiżna jitneħħa minn fuq il-greylist qed jiġi rrapportat li l-Gvern Mali qabbad bħala konsulent lil Yehuda Shaffer, eks mexxej tal-Financial Intelligence Agency tal-Iżrael fejn insista li Malta għandha il-liġijiet fuq il-karta…iżda l-effettività tagħhom s’issa hija zoppa.