Lokali Qorti

Marlene Mizzi mhux ħatja li nsulentat lill-Imħallef Lawrence Mintoff għax il-każ ġie preskritt

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi

L-eks-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi ma nstabitx ħatja li nsulentat lill-Imħallef Lawrence Mintoff peress li l-kawża kienet preskritta wara li għadda ż-żmien stabbilit bil-liġi meta kellha titressaq il-Qorti. Mizzi kienet qed tiġi akkużata li fis-17 ta’ Frar li għadda, f’Misraħ San Duminku fir-Rabat, u f’postijiet u ħinijiet differenti insulentat, kellha kliem ta’ theddid u inġurjat lill-Imħallef Mintoff.

Wara li semgħet liż-żewġ partijiet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li ma taqbilx mat-teżi li l-Prosekuzzjoni għandu jkollha l-prova li l-ittra kienet miktuba minn Marlene Mizzi. Hija sostniet li ma tqajmet l-ebda mistoqsija dwar min kiteb l-ittra matul il-proċess u saħqet li għalkemm id-difiża qajmet dubji dwar jekk kinitx Mizzi li kitbet l-ittra, ma tressqet l-ebda evidenza biex tipprova li Mizzi ma kellha x’taqsam xejn mal-ittra.

“M’hemm l-ebda dubju li Mizzi tgawdi d-dritt għas-skiet imma jekk riedet tqanqal din il-kwistjoni, kien f’idejha li tressaq din l-evidenza, xi ħaġa li qatt ma saret!”. Il-Maġistrat Frendo Dimech iddikjarat li kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni li hemm fl-ittra kif ukoll fil-kontenut tagħha ma kien hemm l-ebda dubju f’moħħ il-Qorti li l-akkużata Mizzi kienet “il-firmatarju u l-awtur” ta ’din l-ittra.

Id-difiża qalet li r-reat kien preskritt peress li l-akkuża nħarġet fit-12 ta’ Mejju 2021 iżda l-ittra allegatament inkitbet erba’ xhur qabel fil-15 ta’ Jannar. Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni kellha t-teżi li ż-żmien għall-preskrizzjoni beda mill-jum li fih l-Imħallef Mintoff qara l-ittra li rċieva.

L-istess ittra tagħmel referenza għall-fatti u l-informazzjoni fuq il-posizzjoni ta’ membru parlamentari Ewropew u għal dak li seħħ fl-andament tal-kawża bejnha u l-Ewroparlamentari David Casa liema kawża kienet deċiża mill-Imħallef Mintoff fit-2 ta’ Diċembru 2020 fejn dan ikkonferma sentenza appellata minnha favur David Casa.

Il-Maġistrat Frendo Dimech żiedet li f’dan il-każ id-data tan-notifika, kif miktuba u mħażża, ma tippermettilhix li tistabilixxi il-jum eżatt li fih tqassmet l-ittra. “Għalkemm il-prosekuzzjoni pprovdiet kopja tar-riferta, tenut kont tal-mod dilettantesk ta’ kif ġiet korreġuta l-ewwel data, kellu jiġi mħarrek l-uffiċjal responsabbli minn tali notifika fi sforz biex issir magħrufa d-data li fiha effettivament saret in-notifika tal-imputata”.

Il-Maġistrat qalet li huwa ferm stramb kif l-uffiċjal li qassam ir-riferta għażel li jikteb numru fuq ieħor minflok ma kitbu mill-ġdid u żiedet li dan in-numru wieħed ċertament ma kienx se jikkawża xi sfrozi straordinarji biex jinkiteb taħt jew fuq id-data tal-jum oriġinali.

“Għalkemm il-Qorti jidrilha li d-data hi dik tal-14 ta’ Mejju 2020, u għalhekk fit-terminu provdut, tenut kont li l-ittra ġiet riċevuta fis-17 ta’ Frar 2021, mill-provi prodotti ma jistax jiġi determinat sal-grad rikjest mil-liġi li l-azzjoni kriminali tressqet fiż-żmien rikjest”. Kien għalhekk li laqgħet l-eċċezzjoni tad-difiża li l-kawża kienet preskritta.